“Schembri jrid jitkeċċa mill-Partit illum qabel għada” – Cardona

Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona qal li Keith Schembri għandu jitkeċċa mill-Partit Laburista “llum qabel għada, anke jekk issa wkoll tard wisq.”

Cardona kiteb dan fuq Facebook dalgħodu. Qal li kien qed jipprova jżomm lura milli jikkummenta pubblikament fuq il-qagħda fil-pajjiż, iżda issa ħass li nqabeż kull limitu. Għalkemm Cardona hu tal-fehma li “l-ħsara saret,” imma skontu, il-Partit irid jibgħat sinjal ċar, għax jekk ma jagħmilx dan, il-Partit ikun kompliċi.

Ilbieraħ l-Ispettur tal-Pulizija Keith Arnaud qal li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri qed jiġi investigat dwar qtil u żvelar ta’ informazzjoni sigrieta fost l-oħrajn. Dan ingħad fil-qorti waqt li Arnaud kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Cardona għadda kumment ukoll fuq dak li qal Schembri lill-ġurnalisti ftit tal-jiem ilu, meta stqarr li rebbaħ lill-Partit Laburista 10 elezzjonijiet. Cardona insista li dawn l-elezzjonijiet intrebħu mill-Partit Laburista bil-mertu tal-Partit stess, għax in-nies kellhom fiduċja fih.

Il-Ministru wkoll issemma fil-qorti lbieraħ, meta fil-kontro-eżami tal-Ispettur Keith Arnaud, l-Avukat Jason Azzopardi qara parti min-nota li t-tabib ta’ Yorgen Fenech, Dr Adrian Vella, għaddielu meta dan kien diġà taħt arrest. In-nota tgħid li kien hemm żewġ persuni li kellhom il-ħsieb joqtlu lil Caruana Galizia – wieħed mill-individwi mejjet u l-ieħor huwa Chris Cardona.

Cardona allega li dan kien frame-up fuqu. Sorsi infurmati kienu qalu ma’ Newsbook.com.mt li f’ċertu ħin fil-kuntatti bejn Schembri u Fenech, Schembri qallu li “ma jimpurtax li ssemmi lil Cardona basta ma ssemmix lili”. Schembri ċaħad bil-qawwa kollha li pprova jagħmel frame-up. Cardona kien ġie interrogat b’rabta mal-assassinju u ssospenda ruħu mill-Kabinett għal ftit jiem.

Is-CEO ta’ ONE Productions Jason Micallef ukoll wera l-fehma li Keith Schembri għandu jitkeċċa minn membru tal-Partit.