Schembri jmur Singapore biex jidentifika oqsma għal Malta

Arkivji

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali Silvio Schembri kellu diversi laqgħat f’Singapore biex jidentifika oqsma li jistgħu jiġu implimentati f’Malta.

Fi stqarrija, is-Segretarjat għall-Ekonomija Diġitali qal li Schembri kellu laqgħa mal-Ministru responsabbli għall-Kommunikazzjoni u t-Teknoloġija ta’ Singapore, Dr Janil Puthucheary. Waqt il-laqgħa, iż-żewġ naħat iddiskutew l-iżviluppi u dak miksub fil-qasam tal-ekonomija diġitali, f’dak tal-crypto u l-blockchain.

Schembri qal li ż-żewġ pajjiżi jistgħu jikkoperaw f’oqsma marbuta mal-ekonomija diġitali u s-cyber security. Waqt iż-żjara f’Singapore, Silvio Schembri ltaqa’ mal-amministrazzjoni ta’ Singapore Stock Exchange kif ukoll ma’ kumpaniji li jaħdmu fil-qasam tal-blockchain u t-teknoloġija. Uħud minn dawn il-kumpaniji se jkunu parti minn DELTA Summit li se jsir bejn it-3 u l-5 ta’ Ottubru.

F’Lulju Malta kklassifika mal-aħħar erba’ pajjiżi Ewropej fejn tidħol is-sigurtà tal-informazzjoni elettronika, is-cybersecurity. Dan ħareġ minn stħarriġ li sar mill-Indiċi Nazzjonali tas-Cyber Security (NCSI) tal-Estonja.