Schembri jirritorna l-passaport diplomatiku tiegħu – il-Gvern

Schembri qed jiġi investigat b'rabta mal-assassinju ta' Caruana Galizia

Read in English.

Il-Gvern qal li l-eks Chief of Staff tal-PM Keith Schembri rritorna l-passaport diplomatiku tiegħu.

Kelliem għall-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal lil Newsbook.com.mt li Schembri “kellu passaport diplomatiku minħabba n-natura tal-kariga li kien jokkupa.” Spjega li dan il-passaport “ġie ritornat”.

Il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet ippublikat kopja tal-passaport diplomatiku ta’ Schembri f’Mejju tal-2017. Allegat li Schembri uża l-passaport tiegħu biex jipprova jiftaħ kont tal-bank fil-Panama.

Schembri bħalissa qed jiġi investigat b’rabta mal-qtil tagħha. Hu jisħaq li huwa innoċenti.

Schembri deher l-aħħar Malta fis-26 ta’ Diċembru fil-VIP lounge tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mal-familja tiegħu.

Kmieni f’Diċembru, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jħossu tradut minn Schembri.

Muscat siefer lejn Dubaj fis-27 ta’ Diċembru. Skont il-Gvern il-PM mar fuq btala privata f’Dubaj. L-uffiċċju ta’ Muscat għadu ma kkonfermax ma’ Newsbook.com.mt jekk Muscat hux se jkun qed isiefer lejn Londra fil-jiem li ġejjin.