Schembri jiċċara t-tifħir tiegħu dwar Salvini; mhux kulħadd fil-PN jaqbel

FILE PHOTO: Italian Deputy Prime Minister and Interior Minister Matteo Salvini attends a news conference in Rome, October 20 2018. REUTERS/Remo Casilli

Read in English.

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Edukazzjoni u l-Minority Leader fil-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara Justin Schembri kellu jiċċara l-pożizzjoni tiegħu wara li faħħar lill-Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini talli qed jieqaf lill-Unjon Ewropea u lill-Prim Ministru tiegħu. Għadd ta’ uffiċjali tal-PN ħarġu kummenti min-naħa tagħhom dwar il-valuri li jħaddnu mingħajr ma għamlu referenza diretta għal dak li qal Schembri.

Ilbieraħ fuq Facebook Schembri qal li wieħed għandu japprezza li jkollu politiku li jkun lest isabbat saqajh. Qal ukoll li forsi ħafna jittimbraw lil Salvini bit-titlu ta’ ‘razzist’. Però, fil-fehma ta’ Schembri, “aktarx huwa bniedem sensibbli għaliex irid jieqaf lil dan it-traffikar bi ħsieb”. Schembri ħassar dan il-kumment wara xi ħin.

Matteo Salvini huwa mexxej tal-lemin estrem fl-Italja. Mhux l-ewwel darba li ġie akkużat li huwa razzist minħabba l-kummenti li jgħaddi.

Illum fuq Facebook Schembri qal li mhux kulħadd fehem dak li kien qed jgħid. Żied jgħid li “l-opinjoni personali” tiegħu hija “s-sentiment ta’ ħafna Maltin”. Żied jgħid li qatt ma għamel referenza li l-ħajja tal-bniedem f’diffikultà m’għandhiex tingħata l-għajnuna.

“Bl-ebda mod qatt ma kkummentajt favur il-politika tiegħu b’mod speċjali dik li jħalli n-nies fil-baħar,” qal Schembri li mill-banda l-oħra qal li għandu ammirazzjoni lejh bħala “politikant li qiegħed jieqaf għat-traffikar illegali ta’ nies vulnerabbli”.

Fil-fehma ta’ Schembri hemm oqsma li qed iħallu impatt negattiv fuq Malta minħabba “influss ta’ barranin”.

Schembri qal li fil-passat Malta kellha mexxejja tajbin li kienu jiddefendu lil Malta skont it-twemmin tagħhom. Qal li llum ħadd m’għandu l-kuraġġ biex iwaqqaf ċertu affarijiet.

B’referenza għall-opinjoni tiegħi tal-bieraħ, nifhem li mhux kulħadd fehem jew ried jifhem dak li ktibt u għalhekk kien…

Posted by Justin Schembri on Saturday, August 24, 2019

Il-President tal-Eżekuttiv tal-PN Alex Perici Calascione qal fuq Facebook li Artiklu 2 ta’ l-istatut tal-PN jaghti lista tal-valuri li jhaddan il-Partit. Fuq nett, bhala l-ewwel valur imsemmi, hemm “id-dinjità tal-bniedem”.

L-Artiklu 2 ta’ l-iStatut tal-Partit Nazzjonalista jaghti lista tal-valuri li jhaddan il-Partit. Fuq nett, bhala l-ewwel…

Posted by Alex Perici Calascione on Saturday, August 24, 2019

Fuq Facebook, il-Membru Parlamentari tal-PN Beppe Fenech Adami xerred ritratt ta’ missieru u qal li hu jħaddan il-valuri tal-partit.

These are the values I cherish. The values of my party. No matter what

Posted by Beppe Fenech Adami on Friday, August 23, 2019

L-eks Sindku ta’ Birkirkara Michael Fenech Adami xerred ritratt ta’ artiklu dwar il-kummenti ta’ Justin Schembri akkumpanjat bil-hashtag #notinmyname (mhux f’ismi).

#notinmyname

Posted by Michael Fenech Adami on Friday, August 23, 2019

Fi stqarrija li ħareġ illum b’rabta mas-sitwazzjoni tal-bastiment Ocean Viking, il-PN qal li l-ħajja tal-bniedem m’għandhiex prezz.