Schembri ‘jgħannaq’ lil Muscat fuq il-pont tal-Imsida

Canvas b’ritratt li twaħħal il-Ħadd filgħaxija fuq il-pont li jgħaddi minn fuq Triq Mikiel Anton Vassalli, triq prinċipali li tgħaqqad l-iskatepark tal-Imsida max-xatt, juri lil ex-Chief of Staff Keith Schembri jgħannaq lill-Prim Ministru Joseph Muscat. 

Taħt, hemm miktub biss kelma waħda, ‘kompliċi’.

Dan jiġi biss ftit sigħat wara protesta nazzjonali, fejn eluf ipprotestaw fil-Belt Valletta għall-ġustizzja tal-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia.

F’liema stadju wasal il-każ?

Il-Ħadd li għadda , eluf ta’ nies nġabru fil-Belt Valletta biex jipprotestaw u jitolbu għar-riżenji tal-Prim Ministru Joseph Muscat, tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Wara żviluppi fil-każ tal-qtil ta’ Caruana Galizia, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rriżenjaw mill-kariga tagħhom. Il-Ministru Chris Cardona kien issospenda lilu nnifsu.

Muscat ħabbar it-tluq tiegħu se jseħħ wara li jkun elett mexxej ġdid tal-Partit Laburista f’Jannar.

Sadanittant, is-sensar fil-każ Melvin Theuma beda jixhed fil-qorti fejn implika lil Schembri fil-qtil tal-ġurnalista.

Is-sid tal-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech, li issa jinsab taħt kustodja preventiva, ukoll implika lil Schembri. It-talba tiegħu għal maħfra presidenzjali ġiet irrifjutata, deċiżjoni meħuda minn Muscat innifsu.