Aġġornata: Schembri għandu jitkeċċa – Delia

Xita ta' kummenti dwar dak li seħħ illum fil-Qorti

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li peress li Keith Schembri ma riedx iwieġeb dwar il-kumpanija 17 Black fil-qorti hu għandu jitkeċċa.

Delia qal dan fi stqarrija wara li Keith Schembri rrifjuta l-ordni ta’ maġistrat li jwieġeb domanda li saritlu dwar 17 Black f’każ ta’ libell li fetaħ hu stess. Għadd ta’ persuni kkummentaw dwar dak li ġara fil-Qorti dalgħodu.

17 Black: Keith Schembri jirtira l-libell

Delia qal li Keith Schembri għamel minn kollox illum biex ma jweġibx għall-mistoqsijiet. Fuq Facebook, l-avukat Jason Azzopardi qal li kellu aktar minn 100 domanda għal Keith Schembri li ċeda wara l-ewwel waħda.

Wara li waqqa’ l-kawża, Schembri twassal lejn Kastilja b’karozza. Hu qal lill-ġurnalisti li kienu hemm li ma kienx qed jibża’. Żied jgħid li ħa “parir legali” u li dak li għandu x’jgħid se jgħidu “quddiem l-inkjesta maġisterjali.”

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li wieħed għandu jistenna l-konklużjonijiet tal-inkjesti li qed isiru.

“Il-kawża hija dwar allegazzjonijiet ta’ tixħim. Is-Sur Schembri għażel li ma jweġibx biex ma jinkriminax ruħu. Quddiem din l-iżvolta, is-Sur Schembri għandu jew jirreżenja jew jitneħħa mill-pożizzjoni ta’ Chief of Staff tal-Prim Ministru b’mod immedjat,” qal Delia.

F’kummenti mal-midja barra l-Qorti, Simon Busuttil fakkar li Schembri kien fetaħlu dan il-libell minħabba diskors li għamel waqt protesta fl-2016. Din saret wara li l-ġurnalista assasinata Daphne Caruana Galizia żvelat li Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi kellhom kumpaniji sigrieti fil-Panama.

“F’dak id-diskors kont għidt li kieku jien kelli chief of staff jew ministru fil-gvern tiegħi li jinqabad b’kumpanija sigrieta fil-Panama kont inkeċċieh immedjatament għax dan mhu xejn ħlief korruzzjoni,” qal Busuttil.

Busuttil fakkar li l-aħħar blog li kitbet Daphne Caruana Galizia kien dwar dan il-każ.

L-eks kap tal-PN iddeskriva l-aġir ta’ Schembri fil-Qorti llum bħala tentattiv wara l-ieħor biex jaħrab mill-mistoqsijiet. Il-Maġistrat ċaħad it-talbiet kollha ta’ Schembri.

Busuttil qal li minkejja li ġie ordnat mill-maġistrat biex iwieġeb, Schembri rrifjuta, ċeda l-kawża u “ħarab ‘l hemm”.

Busuttil qal li dan kollu juri li hu kien qed jgħid il-verità u li Keith Schembri huwa bniedem korrott li għandu jirreżenja.

Schembri jaf b’affarijeit li jistgħu jinkriminawh – Repubblika

Fi stqarrija, l-għaqda Repubblika qalet li llum fil-Qorti Schembri “iddikjara bl-aktar mod kategoriku li jaf b’affarijiet li jistgħu jinkriminawh.”

Repubblika qalet li kulħadd għandu d-dritt li jirrifjuta li jixhed biex ma jinkriminax ruħu. Żiedet tgħid li persuna f’pożizzjoni ta’ poter pubbliku li tuża dan id-dritt għandha titlaq minnufih.

Repubblika saħqet li “tippunta subajha lejn il-Prim Ministru, li issa għandu kap ta’ l-uffiċċju tiegħu li biex jevita l-ħabs qed jirrifjuta li jixhed f’kawża ċivili li fetaħ hu stess.”

Wieħed għandu jħalli l-ġustizzja taħdem f’serenità – PL

Fi stqarrija, il-Partit Laburista (PL) qal li dak li qed jitkellem dwaru l-Kap tal-Oppożizzjoni huwa suġġett ta’ inkjesti maġisterjali.

“Wieħed għandu jħalli l-ġustizzja taħdem f’serenità u jistenna l-konklużjonijiet ta’ dawn l-inkjesti li quddiemhom xehed kull min fil-konfront tiegħu saru l-allegazzjonijiet.” 

“Intant, wieħed ma jistax ma jinnotax kif id-dikjarazzjonijiet li saru u l-pożizzjonijiet li ttieħdu fl-aħħar sigħat reġgħu wrew l-inkonsistenza tal-Oppożizzjoni dwar l-istituzzjonijiet,” qal il-PL.

“Huwa ironiku kif deputati tal-oppożizzjoni li jattakkaw il’ ħin kollu lill-ġudikanti maħtura bis-sistema l-ġdida din id-darba kellhom ġenn biex jidhru quddiem il-qorti ffurmata b’dan il-mod anke meta tqajmu punti biex il-ġustizzja mhux biss issir iżda tidher ukoll li qed issir,” temm jgħid il-PL.

Ilni kwazi 24 sena nipprattika l-professjoni t’avukat. Rajt u smajt minn kollox. Inkluz f’kawzi jaharqu hafna u…

Posted by Jason Azzopardi on Monday, November 11, 2019

Bl-azzjoni tiegħu Keith Schembri ammetta li hu ħati. Għamel manuvra oħra biex jaħrab mill-ġustizzja. Ir-rizenja tiegħu…

Posted by Roberta Metsola on Monday, November 11, 2019

X’inhi 17 Black?

Fl-2018, il-ġurnal Times of Malta żvela li l-kumpanija 17 Black f’Dubaj hija ta’ Yorgen Fenech, li huwa d-Direttur tal-Power Station tal-Electrogas f’Malta. Fenech huwa wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Tumas Group.

Aqra: The Daphne Project: “€1.3m f’17 Black – klijent prospettiv ta’ Mizzi u Schembri”; jiċħdu

It-Times of Malta f’ħidma konġunta mal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, kisbet din l-informazzjoni minn imejl li identifikat lil 17 Black bħala wieħed mis-sorsi ta’ qligħ għall-kumpaniji sigrieti fil-Panama Hearnville u Tillgate, li kienu tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rispettivament.