Allegata offerta minn Yorgen: Jixhdu Thake u Stagno Navarra

Aġġornat 02:46 PM
David Casa Qorti xhieda inkjesta Maġisterjali

Illum instemgħet ix-xhieda fil-qorti fil-każ Maġisterjali dwar l-allegata offerta ta’ flus ta’ Yorgen Fenech lill-Partit Nazzjonalista sabiex David Casa ma jkunx elett fil-Parlament Ewropew.

Minbarra l-Membru Parlamentari Nazzjonalista David Thake, xehed ukoll il-preżentatur tal-istazzjon tal-Partit Laburista Karl Stagno Navarra.

Dan wara li David Thake talab pubblikament biex il-Partit Nazzjonalista u l-Pulizija jinvestigaw min setgħet kienet il-persuna jew persuni li ppruvaw jagħmlu qbil ma’ Yorgen Fenech biex David Casa ma jerġax jiġi elett fil-Parlament Ewropew.

“L-allegazzjonijiet għamilthom u rrispondejt għalihom” – Stagno Navarra

Il-ġurnalisti laqgħu lil Stagno Navarra fil-bieb tal-Qorti wara li dan ta x-xhieda tiegħu fil-każ. Huma staqsewh x’qal lill-Maġistrat u hu wieġeb jgħid li ma jistax jgħid x’qal għax hu marbut bis-sigriet ladarba din hija inkjesta maġisterjali. Dwar jekk jikkonfermax l-allegazzjonijiet tiegħu hu sostna li l-allegazzjonijiet tiegħu għamilhom u rrisponda għalihom quddiem il-Maġistrat inkwerenti.

“Xi ħaġa li kellha tiġi investigata anke internament” – Thake

Intant, il-Membru Parlamentari Nazzjonalista David Thake qal li ma jistax jiżvela dak li qal taħt ġurament, iżda sostna li hu qal dak kollu li kien jaf dwar il-każ. “Irrid nagħmilha ċara li l-allegazzjoni li jiena kont għamilt sena ilu, kienet differenti ħafna mill-allegazzjoni li qed issir mill-One TV minn Karl Stagno Navarra u dik li ħareġ Keith Schembri,” insista Thake.

Hu spjega kif sena ilu kienet waslitlu informazzjoni li kienet saret offerta lill-PN ta’ €50,000 kemm-il darba Casa ma jiġix elett. Qal li dakinhar kien żvela eżatt fuq Xarabank kif kienet waslet għandu l-informazzjoni u sostna li minn dakinhar ‘l hawn kien qisu ma ġara xejn. Spjega kif wara li ġie elett fil-Parlament u ġimgħa ilu Melvin Theuma, is-sensar tal-assassinju, irrepeta l-istess allegazzjoni li waslet għandu taħt ġurament, dehrlu li kienet xi ħaġa li kellha tiġi investigata immedjatament, inkluż internament fil-Partit Nazzjonalista.

Insista li dak li qed jgħidu l-midja tal-PL u dak li qed jgħid Keith Schembri huwa differenti. Qal li filwaqt li l-midja Laburista qed tgħid li l-flus tħallsu lill-Kap tal-PN Adrian Delia u mhux ġew offruti. Spjega li mbagħad, Keith Schembri għamel allegazzjoni oħra, fejn qal li Pierre Portelli kien jirċievi regolarment pagamenti ta’ €20,000 biex jgħaddihom lill-Partit Nazzjonalista.

Għaliex l-inkjesta?

L-aħbar dwar l-inkjesta maġisterjali ħarġet għall-ewwel darba wara post fuq Facebook minn Thake, fejn żvela d-data u l-ħin ta’ meta kien se jixhed. Wara inqas minn 24 siegħa, il-Pulizija ffissat appuntament ma’ Thake biex jgħaddilhom l-informazzjoni dwar l-allegazzjoni.

Jidher li l-inkjesta tal-lum se tinstema’ wara bibien magħluqa u b’hekk mhux se jkun jista’ jsir rappurtaġġ live tagħha mill-ġurnali.

Il-ġimgħa li għaddiet, fil-proċeduri kriminali dwar il-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fil-qorti, is-sensar tal-assassinju Melvin Theuma, li ngħata maħfra presidenzjali biex jgħid kulma jaf, qal li Yorgen Fenech kien qallu li offra l-flus lill-Partit Nazzjonalista sabiex David Casa ma jitlax fil-Parlament Ewropew fl-elezzjoni tas-sena li għaddiet. Fenech, li hu akkużat b’kompliċità fl-assassinju, allegatament qal lil Theuma li għamel dan għaliex Casa kien qed ikun voċiferu dwar 17 Black, kumpanija bbażata f’Dubaj li hi ta’ Fenech.

Il-Partit Nazzjonalista mbagħad ċaħad dawn l-allegazzjonijiet li saru fil-qorti, u l-Kap tal-PN Adrian Delia ħa ġurament sabiex jgħid li qatt ma rċieva l-ebda flus mingħand Yorgen Fenech.

Fis-smigħ tal-evidenza kontra Fenech fil-qorti t-Tnejn, iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, kellu verżjoni differenti ta’ din l-istorja, meta qal li Fenech qallu li kien Delia stess li talbu €50,000 biex ma jitlax David Casa fil-Parlament Ewropew.

Schembri xehed ukoll li l-eks Kap tal-Midja tal-PN Pierre Portelli kien imur kull xahar jiġbor il-flus mingħand Yorgen Fenech għall-Partit Nazzjonalista. Portelli wara ħareġ stqarrija fejn iddikjara li ġimgħa ilu ħa ġurament li hu ma ħax flus mingħand Fenech biex ma jitlax Casa. Ċaħad kulma qal Schembri fil-qorti.

L-informazzjoni li kellu Newsbook.com.mt li se jixhed ukoll l-eks Kap tal-Midja tal-Partit Nazzjonalista Pierre Portelli, ġiet miċħuda minn Portelli nniffsu. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ċaħad ukoll li kien se jixhed illum.

Filmati: Miguela Xuereb