Schembri b’rikors għax qed jinkisrulu d-drittijiet bl-iffriżar tal-assi

Miguela Xuereb

Read in English.

Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, u diretturi ta’ diversi kumpaniji tiegħu, ippreżentaw rikors fil-qorti fuq is-sekwestru li sar fuq l-assi tagħhom, tan-negozji tagħhom u ta’ individwi li jiġu minnhom.

Schembri u 22 persuna oħra jew negozju, inkluż martu u l-ġenituri tiegħu, ressqu dan ir-rikors quddiem il-Qorti Kostituzzjonali għaliex qalu li qed jinkisrulhom id-drittijiet fundamentali tal-bniedem għal smigħ ġust, għat-tgawdija tal-propjetà tagħhom, u għad-dritt tagħhom li ma jiġux ikkastigati jekk ma jinstabux ħatja ta’ xi offiża kriminali.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-assi tal-kumpaniji ta’ Schembri ġew friżati, flimkien ma’ dawk tiegħu u ta’ familtu u ta’ għadd ta’ persuni oħra, inkluż Brian Tonna, Karl Cini u Manuel Castagna minn Nexia BT. Dawn it-tliet irġiel ġew arrestati flimkien ma’ Schembri fil-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta tal-ġimgħa li għaddiet. Wara jum fid-Depot, it-Tlieta filgħaxija nħelsu bil-police bail.

Dan għaliex wara inkjesta li saret fuq allegat tixħim tal-flus fil-bejgħ tal-passaporti Maltin, kien hemm raġuni għal suspett fi Schembri u Tonna.

Permezz tal-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo, Schembri u d-diretturi tal-kumpaniji argumentaw li l-liġi nfisha tikser id-drittijiet tagħhom għax ma tagħtihomx ir-rimedju legali biex jiġġieldu l-ordni ta’ investigazzjoni maħruġa kontrihom. Fir-rikors ġie spjegat li l-ordni ta’ investigazzjoni tinħareġ mill-Avukat Ġenerali, iżda l-persuna affettwata minn din l-ordni ma tingħatax id-dritt li ssemma’ leħinha, minkejja li dan hu dritt bażiku garantit mid-dritt għal smigħ ġust minn qorti indipendenti u imparzjali.

L-avukati argumentaw li “huwa inkonċepibbli kif il-persuna affettwata m’għandha l-ebda
dritt fil-Liġi li ssemma’ leħinha u tattaka t-teżi tal-Avukat Ġenerali sakemm ma tiġix eventwalment akkużata li kkomettiet reat, fejn imbagħad jiskattaw l-effetti tal-Artikolu 5
tal-Kap 373 tal-Liġijiet ta’ Malta.”

It-talba ta’ Schembri għall-pagi tal-ħaddiema
Schembri b’rikors biex jiġu rilaxxati flus għall-paga tal-impjegati

Argument ieħor tal-avukati kien li l-aġir tal-AĠ kien “sproporzjonat” billi l-ordni għal investigazzjoni nħarġet fuq l-inkjesta maġisterjali dwar allegat tixħim ta’ €100,000, mentri l-ordni tas-sekwestru ffriżat l-assi ta’ tant nies, inkluż il-paga ta’ 80 ħaddiem.

Intant, madwar 78 impjegat tal-kumpaniji ta’ Schembri bdew proċeduri separati biex jitolbu li xi ftit mill-flus issekwestrati jiġu rilaxxati sabiex huma jkunu jistgħu jieħdu l-paga dovuta lilhom. Huma kellhom jitħallsu nhar il-Ġimgħa li għadda, u wħud minnhom nhar it-Tlieta li għadda wkoll, iżda ma ħadux il-paga.