Aġġornata: Quinton Scerri jirriżenja minn Sindku ta’ Ħaż-Żabbar

Quinton Scerri ħabbar ir-riżenja tiegħu minn Sindku ta’ Ħaż-Żabbar. Huwa ppreżenta l-ittra ta’ riżenja tiegħu lis-Segretarju Parlamentari Stefan Bountempo.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li din id-deċiżjoni ttieħdet ukoll fid-dawl tar-rispett li l-istess Quinton Scerri għandu lejn il-Partit Laburista.

Iktar kmieni:
Il-Bord tal-Governanza Lokali qal li s-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, Quinton Scerri mhuwiex persuna kredibbli u l-kunsilliera messhom taw vot ta’ sfiduċja fil-konfront tiegħu.
Ir-rapport, iffirmat miċ-Ċermen Dr Joe Mifsud, Dr Arthur Ellul u Dr Jonathan Mizzi, jissuġerixxi li l-bord stess ikollu s-saħħa legali li jxolji l-kunsill lokali f’każ li jkun hemm bżonn isir dan. Dan għaliex, kif qiegħda l-liġi s’issa, l-Bord m’għandux l-poter li jagħmel dan.
Il-Bord, fir-rapport li fih 18-il paġna, qal li l-konklużjonijiet imsemmija ħarġu minn allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet li kienu qed isiru mill-Kunsill u mis-Sindku nniffsu, li huwa ukoll impjegat bħala Segretarju Privat fi ħdan il-Ministeru tal-Affarjiet Interni.
Fost dawn l-irregolaritajiet, ir-rapport isemmi l-festival dinji tal-ikel u għoti ta’ kuntratt lill-kumpanija li d-direttur tagħha kien jiġi mis-Sindku stess.
Il-Bord ikkonkluda billi qal li Scerri mexxa l-Kunsill b’mod irresponsabbli għall-aħħar. 

Tista' tara d-deċiżjoni tal-Bord fil-PDF t'hawn taħt.