SBS tikkonferma li se tkeċċi xandara Maltin fl-Awstralja

Il-popolazzjonjiet fl-Awstralja inbidlu u kien għalhekk li l-ħin allokat għall-programmi bil-Malti mill-kumpanija SBS kellu jonqos minn 9 siegħat għal sagħtejn fil-ġimgħa. Minkejja din il-loġika, SBS irċieva ħafna kummenti negattivi minn dawk li s-soltu jisimgħu programmi bil-Malti.

SBS huwa servizz ta’ xandir li jaqdi l-iktar lill-Awstraljani li ma jitkellmux biss Ingliż.

Dan is-sit irrapporta li minn April li ġej il-kumpanija SBS se tnaqqas il-programmi tar-radju bil-Malti minn 9 sigħat għal sagħtejn fil-ġimgħa. Kelliema għal din il-kumpanija qalet li ħafna aktar popli qed jagħżlu li jemigraw lejn l-Awstralja, u l-istazzjon ried ilaħħaq mal-lingwi kollha.

Il-kelliema qalet li l-aħħar darba li saret riforma fl-iskeda tar-radju kien aktar minn 18-il sena ilu. F’April li għadda wettaq konsultazzjoni pubblika dwar liema lingwi kellhom jieħdu l-ħin tal-istazzjon.

Gruppi etniċi maġġuri għandhom madwar 14-il siegħa xandir fil-ġimgħa,u stazzjonijiet tar-radju bil-lingwi tagħhom 24 siegħa kuljum. Staqsejna għalhekk jekk it-tnaqqis tal-lingwi bil-Malti jistax ifisser diskrimazzjoni, anke fid-dawl li l-Matin fl-Awstralja għandhom biss 30 minuta aħbarijiet bil-Malti fil-ġimgħa fuq SBS TV.

Għal dan SBS wieġeb li kkonsulta ma 1,200 persuna. 73% minn dawn kienu semmiegħa u 21% rappreżentanti ta’ komunitajiet differenti. Ir-reazzjonijiet tal-komunità Maltija ġew milqugħa bħal dawk ta’ kull komunità oħra. Wara li laqgħat kull kumment, il-kumpanija kkunsidrat ukoll ir-riżultati tal-aħħar ċensiment.

Mistoqsi minn dan is-sit, il-kumpanija qalet ukoll li kkunsidrat il-bżonnijiet speċjali tal-komunità Maltija, li kull ma jmur qed tikber fl-età. Iżda minkejja li l-Malti ġie kkunsidrat bħala ‘Large Language’, il-poplu Malta fl-Awstralja ma ġiex meqjus bħala wieħed b’ċertu bżonn urġenti ta’ xandiriet.

Id-deċiżjoni tal-SBS aktarx li tfisser ukoll li se jifdal biss xandar wieħed Malti ma’ dan l-istazzjon. Dan jista’ jindika li 3 xandara Maltin jitilfu l-impjieg tagħhom. Mistoqsija jekk hux se tnaqqas ħaddiema Maltin, il-kumpanija ikkonfermat biss li se tnaqqas ir-riżorsi tagħha.

Minn meta SBS ħabbrat l-intenzjonijiet tagħha, persuni Maltin fl-Awstralja bdew jiffirmaw petizzjonijiet, jorgniazzaw laqgħat u jiktbu artikli.