“Sawtuni imma mhux se jkissruni” – turist imdemmi f’Paceville

Żewġ ġuvintur li qegħdin f’Malta fuq btala qegħdin jgħidu li l-bodyguards ta’ klabb f’Paceville qabdu jtuhom fuq bażi omofobika, iżda minkejja dan, mhux se jħalluhom ikissruhom.

Iż-żgħażagħ kienu qegħdin jiżfnu fi klabb f’Paceville, meta wieħed minnhom neża’ l-flokk. Il-bouncers keċċewh, u l-ħabib tiegħu beda jipprova jikkonvinċihom biex jerġgħu jdaħħluh. Iż-żagħżugħ irrakkonta kif sadattant, il-bouncers kienu qegħdin jinsultawhom. Għalhekk, iż-żagħżugħ tefa’ x-xarba tiegħu mal-art, u pprova jitlaq. Kien f’dan il-punt li l-bouncers “qabżu għal fuqhom” u bdew ituh f’wiċċu. Sieħbu, dak li kien tkeċċa, beda jipprova jaqbeż għalih u spiċċa msawwat tant li kważi kissrulu idu.

It-turist kompla jgħid li hu ħa lill-pulizija fil-klabb, iżda kien hemm bouncer ġdid mal-bieb, li qal lill-uffiċjali li ż-żgħażagħ kienu qabdu jagħtu ma’ 2 persuni oħra barra l-klabb. Il-pulizija emmnu lill-bouncer u talbu liż-żgħażagħ imorru d-dar.

“Malta post tal-ġenn; setgħet ġrat kullimkien”

Fuq Instagram, iż-żagħżugħ kiteb li xi nies fid-dinja donnhom iridu jiħdulek il-kuntentizza, imma jkunu kemm ikunu omofobiċi, wieħed ma jistax iħallihom. “They can beat me up but not take away my spirit,” temm jgħid.

Qal ukoll li m’għandu xejn kontra Malta għax Malta post tal-ġenn. Qal li dal-każ seta’ ġara fi kwalunkwe post fid-dinja.

L-attivist Clayton Mercieca, f’isem ARC, spjega kif in-nies donnhom iridu jiġġustifikaw din il-vjolenza, u nduna b’dan mill-kummenti fuq Facebook. Dan għaliex huwa xerred kitba dwar dan fuq Facebook, li qalgħet diversi kummenti bħal “min jaf x’għamel?”

Il-kumpanija tas-sigurtà hija indipendenti u mqabbda minn kuntrattur, mhux mis-sidien tal-klabb.