Sawtu raġel u 2 uliedu; mitluba jħallsu aktar minn €100,000

Żewġt irġiel ta’ nazzjonalità barranija qed jintalbu jħallsu aktar minn €100,000 f’dannu talli aggredew u sawtu raġel u żewġ uliedu waqt li kienu qed jattendu l-kunċert tal-Isle of MTV lura fl-2013.

Il-każ imur lura għas-26 ta’ Ġunju tal-2013 meta raġel kien qed jattendi għall-kunċert mużikali tal-Isle of MTV flimkien maż-żewġ uliedu minuri. Fir-rikors maħluf fl-2015 ġie spjegat illi għall-ħabta tal-10pm kien hemm grupp ta’ nisa u rġiel żgħażagħ fosthom, Chris Joseph Griffiths u Anu Ogunbiyi. Ogunbiyi beda jagħmel ħafna mossi b’idu tant li beda repetutament jolqot lir-raġel u lill-uliedu. Ir-raġel talbu bil-kelma t-tajba sabiex jieqaf, aktar tard il-Pulizija għamlulu l-istess talba.

Ġie spjegat li minkejja dan, Ogunbiyi xorta baqa’ jippersiti bl-aġir tiegħu. Intant Griffiths dar fuq ir-raġel u qallu li kien qed ikun razzist ma’ Ogunbiyi għax huwa ta’ dixxendenza Niġerjana, min-naħa tiegħu l-vittma tal-każ sostna li fl-ebda ħin ma kien razzist. Wara dan l-argument, il-grupp ta’ żgħażagħ telqu minn fuq il-post iżda rritornaw madwar 30 minuta wara ma’ xi rġiel oħrajn. Kien hawn li aggredew fiżikament lir-raġel b’daqqiet ta’ ponn f’wiċċu u anke daqqiet ta’ ras.

Minħabba dawn id-daqqiet, ir-raġel weġġa’ gravi f’wiċċu tant li kellu wiċċu kollu dmija u ma bediex jara minn għajn waħda. Ġie spjegat ukoll li fl-istess waqt, iż-żewġ uliedu nfirdu minn miegħu u wara rriżulta li l-grupp ta’ żgħażagħ aggredew lilhom ukoll. Intqal li Griffiths kien waddab lil waħda mit-tfal minorenni mal-art u aggrediha fiżikament, tant illi hi wkoll sfat imbenġla u bil-grif ma’ koxxitha.

Abbażi tal-evidenza pprovduta, il-Qorti tat id-digriet tagħha fejn sabet liż-żewġ irġiel ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Talbet ukoll sabiex dawn iħallsu d-danni lill-vittma li jammontaw għal €117,173. Is-somma trid tinqasam bejniethom it-tnejn.

Il-vittma kien qed jiġi rappreżentat mill-avukat Dr Michael Zammit Maempel.