Satabank ordnat iwaqqaf l-operat mill-MFSA

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) waqqfet l-operat tal-bank Satabank plc. L-MFSA ħarġet ordni biex il-bank Satabank plc jieqaf għal kollox milli jaċċetta iktar depożiti jew li jipproċessa it-teħid u trasferimenti tal-flus fil-kontijiet tal-klijenti mmaniġjati mill-bank.

Fi stqarrija l-MFSA qalet li Satabank ma jistax jaċċetta iktar pagamenti ta’ kwlaunke tip fil-kontijiet tal-klijenti tiegħu u waqqfitu wkoll milli jaċċetta klijenti ġodda. L-Awtorità ordnat ukoll biex iżomm ir-rekords, dejta u dokumenti kollha relatati mal-business u l-klijenti, inkluż dawk li jinsabu fis-sistema diġitali tal-Bank u netwerks, kemm f’Malta kif ukolla dawk barra.

L-MFSA ordnat il-bank biex jassigura li l-istess dejta msemmija tinżamm b’mod sigur, ma tinbidel jew tinqered bl-ebda mod. Żiedet tgħid li din l-informazzjoni kollha għandha tinżamm b’tali mod li dejjem tkun u tibqa’ aċċessibli għall-istħarriġ tal-Awtorità u għall-persuna magħżula apposta minnha.

Il-persuna magħżula f’dan il-każ mill-MFSA intagħżlet minn EY (Ernest & Young) ħamest ijiet wara li l-Awtorità ħatret awdituri minn EY biex isegwu u jiggwidaw il-Bank wara l-ispezzjonijiet li saru mill-MFSA u l-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU).

Ritratt: Arkivji