Satabank: Mal-ħazin weħel it-tajjeb – Busuttil

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li fis-saga tas-Satabank, mal-ħażin weħel it-tajjeb. Meta kien qed jitkellem waqt id-diskussjoni fuq l-abbozz ta’ liġi li jkompli jemenda diversi liġijiet dwar is-servizzi finanzjarji, Busuttil qal li l-klijenti onesti tas-Satabank fl-aħħar xahrejn tħallew fl-għamad, iduru dawra mejt bejn l-MFSA, l-amministratur tal-bank u s-Satabank, mingħajr ma jingħataw aċċess għal flushom b’detriment tan-negozju tagħhom.

Busuttil ikkundanna n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Gvern biex jgħin lil dawn in-nies iżda qal li dan kollu seta’ ġie evitat li kieku sar skrutinju serju fuq il-bank.

Qabel Busuttil, id-deputat Parlamentari Kristy Debono qalet li eluf ta’ Maltin ma rċevewx paga għax il-kont bankarju tagħhom hu ġġammjat.

Min-naħa tagħha, Marlene Farrugia wissiet kontra li nsiru ‘Banana Republic’ għax nattiraw banana investors u fuq l-istess nota, il-Kap tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia qal li l-ħmieġ iġib il-ħmieg.