Sas-sena 2050 il-kafè jkunu jifilħu jixtruh biss is-sinjuri

Esperti fl-industrija ta-kafè qed ibassru li sas-sena 2050 l-kafè jkunu jistgħu jgawduh biss is-sinjuri għaliex qed tonqos b’mod drammatiku l-art li jitkabbar fuqha.

Qed ikun rappurtat li t-tibdil fil-klima u l-prezzijiet baxxi tal-kafè ta’ bħalissa qed iġiegħlu lill-bdiewa fil-Perù biex jabbandunaw ix-xitla tal-kafè u jkabbru ħxejjex li jdaħħlulhom aktar flus. Il-fażola Arabica, li tagħtina l-kafè u hija wżata ħafna għall-kappuċċino, issa qed titkabbar fuq art aktar fil-għoli għax il-bidla fil-klima qed twassal biex ma tiffjorixxix fuq l-art li soltu tikber fuqha. Hu kkalkulat li sas-sena 2050 nofs l-art li bħalissa tintuża biex fuqha jitkabbru x-xtieli tal-kafè ma tkunx tista’ tintuża aktar.

Naturalment, aktar ma jonqsu s-siġar u l-pjanti minħabba l-art li ma tibqax tajba għalihom, il-prezz tal-kafè mbagħad jispara ’l fuq għax tonqos il-produzzjoni tiegħu.

Caterine David, direttur imlaħħqa f’Fairtrade, organizzazzjoni li tieħu ħsieb l-interessi tal-produtturi fil-biedja, qalet li jekk mhux se jsir investiment kbir issa, aktar ’il quddiem il-kafè se jispiċċa jkun oġġett ta’ lussu kbir.

“Peress li 50 fil-mija tal-art li bħalissa qed tintuża għall-kafè mhux se tibqa’ tajba sas-sena 2050, u l-bdiewa qed jabbandunaw l-irziezet tagħhom, dan sempliċiment ifisser li mhux se jkun hawn kafè kemm irridu. Għalhekk il-prezz għalih se jogħla ħafna żgur!”