“Sarrfu l-biża’ f’servizz” – Il-Papa

REUTERS

Read in English.

Il-Papa Franġisku dalgħodu fetaħ il-Ġimgħa Mqaddsa b’mod surreali, hekk kif iċċelebra Ħadd il-Palm f’Bażilika vojta.

Mill-Bażilika ta’ San Pietru, il-Papa appella biex f’dan iż-żmien ta’ pandemija tal-coronavirus, ma nkunux inkwetati dwar x’jonqosna imma naraw kif nistgħu ntaffu t-tbatijiet tal-oħrajn.

Fl-omelija tiegħu, il-Papa saħaq li l-pandemija tista’ twassal biex il-biża’ jissarraf f’servizz. Fisser li din twassal ukoll biex nieħdu bis-serjetà l-affarijiet li jimmeritaw u biex niskopru li l-ħajja mhi xejn jekk ma nservux lil oħrajn.

B’kuntrast mas-soltu, fejn iċ-ċelebrazzjoni tal-lum kienet tkun tinkludi purċissjoni twila ta’ kardinali, saċerdoti u lajċi, iġorru friegħi tal-palm, illum kien hemm biss madwar 24 persuna li jinkludu dawk li jgħinu fil-quddiesa, sorijiet u kor żgħir, kollha jipprattikaw id-distanza soċjali.

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa, li s-soltu jattiraw għexieren ta’ eluf ta’ pellegrini lejn Ruma, se jsiru fil-Bażilika ta’ San Pietru vojta. Il-Via Crucis tal-Ġimgħa l-Kbira, li s-soltu ssir fil-Kolossew, se ssir fil-Bażilika stess.

Fl-Italja hemm kważi 125,000 każ tal-coronavirus filwaqt li fil-Vatikan hemm 7.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn