Sarkozy miżmum mill-Pulizija minħabba l-iffinanzjar tal-kampanja tiegħu

L-eks-President ta’ Franza, Nicolas Sarkozy, inżamm mill-Pulizija Franċiża għal aktar invstigazzjonijiet wara allegazzjonijiet li rċieva flus għall-kampanja elettorali tiegħu mill-Kulunell Libjan Muammar Gaddafi meta kien għadu ħaj.
L-irregolaritajiet imorru lura għall-kampanja ta’ Sarkozy fl-2007.
Barra Sarkozy, fl-aħħar jiem eksajjutant tiegħu, Alexandre Djouhri, ukoll kien arrestat f’Londra. Din mhix l-ewwel darba li Sarkozy ġie mistoqsi mill-Pulizija dwar dal-każ.
Fl-2014, it-tieni l-akbar stazzjon televiżiv fi Franza, France-3, kien xandar biċċa minn intervista tal-2011 ma’ Gaddafi, li fiha dan jgħid “Jien tellajtu President lil Sarkozy”.
L-allegazzjonijiet ħareġ bihom primarjament negozjant ta’ oriġini Franċiża u Lebaniża, Ziad Takieddine, li fl-2016 qal li kien mar jgħaddi l-flus personalment f’bagalja.
Nicolas Sarkozy dejjem ċaħad dawn l-allegazzjonijiet.