Sarkozy għall-Qorti dwar korruzzjoni u tixħim

L-eks-President ta’ Franza, Nicolas Sarkozy, mistenni jgħaddi ġuri dwar korruzzjoni, skont dak li qed tirrapporta l-midja Franċiża minn sorsi fil-ġudikatura.
Il-każ idur mal-iffinanzjar tal-kampanja elettorali tiegħu fil-ġirja għall-presidenza tal-2007.
Jidher li Sarkozy allegatament ipprova jinfluwenza xi mħallfin li kienu qed imexxu l-każ kontrih, skont ma wrew telefonati tal-2014 li kienu ssorveljati mill-awtoritajiet.
Minħabba f’hekk se jitressqu wkoll l-imħallef Gilbert Azibert u l-avukat ta’ Sarkozy, għalkemm diġà qalu li m’għamlu xejn mill-akkużi li jinġibulhom.
Il-Le Monde qed jgħid li Sarkozy allegatament uża l-isem Paul Bismuth biex jaħbi l-identità tiegħu waqt dawn it-telefonati, u darba minnhom kien offra lill-Imħallef Azibert post tajjeb ħafna f’Monaco jekk jagħtih informazzjoni dwar il-każ tal-iffinanzjar tal-kampanja.
L-inkwiet għal Sarkozy ġej minn banda oħra wkoll, hekk kif f’kawża separata dwar l-istess kampanja qed jiġi akkużat li rċieva flus mingħand l-eks-Kulunell Libjan Muammar Gaddafi għall-kampanja elettorali imsemmija.