Sarah Camilleri b’xewqa partikolari f’għeluq sninha

Awguri lill-attriċi Sarah Camilleri li llum qed tiċċelebra għeluq it-42 sena tagħha. Twieldet bħal-lum il-21 ta’ Lulju tal-1978.

Għal għeluq sninha Sarah, permezz tal-paġna tagħha fuq Facebook, qed titlob li jingħataw donazzjonijiet għal Crohn’s and Colitis Foundation.

L-attriċi li bħalissa qed naraw fir-repetizzjonijiet ta’ sensiliet bħal Fattigi, Division 7 u Vittmi, bdiet il-karriera tagħha bħala żeffiena meta kellha biss erba’ snin. Tħarrġet taħt Alison White u kisbet id-diploma fil-Modern Dance M.B.T.D.A. (British Theatre Dance Association), u fil-Classical Ballet M.B.T.D.A.

Sarah dehret ukoll f’numru ta’ produzzjonijiet televiżivi bħal Is-Salib tal-Fidda, Nru 9, Dellijiet, Deċeduti, Iċ-Ċaqqufa, Dejjem Tiegħek Becky u Eklissi. 

Dehret ukoll f’numru kbir ta’ produzzjonijiet teatrali bħal Il-Mizien Fetaħ Għajnejh, Ħafna Frattarija Għalxejn (Much Ado About Nothing ta’ William Shakespeare), Disney Re-tuned, Shadows and Gods, In Search of Simone, Bariona, Qaħba Jien u Kristu fi Strada Stretta. 

Sarah ħadmet ukoll f’films Maltin għaċ-ċinema fosthom Ħabbilni Ħa Nirbaħ.

L-attriċi għandha wkoll tifel, Liam, li wkoll huwa attur.

Sarah Camilleri, Veronica Farrugia u Lenies Gauci, fis-sensiela Fattigi

Nawguraw lil Sarah l-isbaħ xewqat f’għeluq sninha.