“Sar qisu wieħed minn tagħna” – koppja Maltija li addottaw priġunier f’Kordin

Għal bosta snin, il-koppja Maltija Carmen u Mario Laganà għamluha missjoni tagħhom li jżuru ħabsin li sfaw waħedhom waqt li qed iservu s-sentenza tagħhom f’Kordin.
Waqt intervista mal-Paroċċa ta’ San Ġużepp f’Birkirkara, Carmen u Mario tkellmu dwar kif ġew imħeġġa jaħmlu visti lill-ħabsin f'Kordin u hemm iltaqgħu ma’ priġunier barrani żagħżugħ li kien kompletament waħdu.
“Sar qisu wieħed minn tagħna”
Iż-żagħżugħ barrani li spiċċa priġunier meta kellu biss tmintax-il sena ma kien għamel l-ebda tip ta’ kuntatt ma’ familtu għal madwar erba’ snin u b’hekk safa waħdu.
Il-koppja tgħid kif għal bidu hu kien iżomm lura milli jiftaħ qalbu magħhom, iżda maż-żmien għaraf li jista’ jafda lil koppja. Tant hu hekk, li Mario jgħid li sar propju qisu wieħed minn familtu.
Bi tbissima Carmen tgħid kif issa ż-żagħżugħ ġie rrilaxxat u mar lura f’pajjiżu fejn għamel kuntatt ma’ familtu u għamel mezz li jintegra fis-soċjetà.
“Minn dejjem kienet xewqa tiegħi li nżur il-priġunieri”
Carmen tgħid li dan kollu beda wara li ħabiba tagħha qaltilha li tagħmel parti mill-grupp Prison Fellowship Malta fejn grupp ta’ nies jiltaqgħu darba fix-xahar il-Furjana, u jżuru priġunieri kemm Maltin kif ukoll barranin.
Mario jgħid kif mill-ewwel interessa ruħu meta semgħa b’din l-opportunità għax kien ilha xewqa kbira tiegħu li jibda’ jżur il-ħabsin.
Jekk tixtieq tingħaqad inti wkoll mal-Prison Fellowship Malta, l-organizzazzjoni li tagħmel parti minn Prison Fellowship International qiegħda tfittex voluntiera ġodda li għadhom ’il fuq minn tmintax-il sena u li lesti li jgħinu biex dal-priġunieri, kif ukoll il-familji tagħhom itaffulhom ftit mis-saram waqt iż-żmien tagħhom fil-ħabs.

Tista’ tingħaqad bħala voluntier billi tibgħat ittra fuq l-indirizz Prison Fellowship Malta, PO Box 35, Paola, PLA1001 jew tibgħat messaġġ lill-paġna ta’ Facebook tagħhom.