“Staqsieni għandix għarus qabel ma poġġa s-sikkina m’għonqi”

Dalgħodu fil-Qorti kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra r-raġel Libjan li qed jiġi akkużat li aggredixxa lill-kantanta Mikaela Attard u lill-ħabibitha u saħansitra poġġa sikkina ma’ għonq il-kantanta.
Mikaela u ħabibitha qasmu dak li għaddew minnhu dakinhar tal-inċident fejn spjegaw li filwaqt li kienu bilqeda fuq ċint baxx, l-akkużat, flimkien ma’ raġel ieħor, marru fuq it-tfajliet u talbuhom sigarett. Irrakkuntaw kif l-akkużat staqsa lil Mikaela jekk għandiex għarus u fil-pront ħareġ is-sikkina u għamilhielha m’għonqha sakemm ħatfilha l-basket.
L-irġiel ħarbu minn fuq il-post, u tfajliet telqu warajhom. Komplew jgħidu kif x’ħin irnexxielhom jilħquhom, l-akkużat beda jimmira s-sikkina għall-istonku tal-kantanta, għaldaqstant ma rnexxilux ikorriha.
L-istorja kompliet tgħid li ftit tal-ħin wara semgħu l-għajjat xi ħaddiema tas-sigurtà tal-klabbs ta’ Paceville li rnexxielhom iwaqqfu lill-akkużat u l-kompliċi miegħu. Madanakollu, ir-raġel l-ieħor irnexxielu jaħrab minn fuq il-post.
L-allegat aggressur qed jaffaċċja numru ta’ akkużi li jinkludu serq aggravat, li kien fil-pussess ta’ sikkina waqt li kkommetta att t’offiża kontra persuna oħra, u rikaduta.
Wara s-smigħ, il-Qorti ddikjarat li hemm raġunijiet biżżejjed sabiex ir-raġel jitqiegħed taħt att t’akkuża.