Sanzjonijiet fuq ir-Russja: Trump ma jixtieqx, imma l-bqija iva

Is-Senat tal-Istati Uniti vvota favur sanzjonijiet fuq ir-Russja, l-Iran u l-Korea ta’ Fuq, minkejja d-diżapprovazzjoni tal-White House.
Il-vot għadda b’distakk mhux żgħir, hekk kif 98 ivvutaw favur u 2 biss kontra.
Barra minn hekk, il-Kamra tar-Rappreżentanti wkoll approvat is-sanzjonijiet aktar kmieni dil-ġimgħa bl-istess maġġoranza wiesgħa.
Minkejja dan, issa li s-sanzjonijiet proposti għaddew miż-żewġ istituzzjonijiet, jonqos il-firma tal-President Donald Trump li jista’ juża s-saħħa tal-veto sabiex is-sanzjonijiet fl-aħħar mill-aħħar ma jseħħux, anki jekk kif intqal il-biċċa l-kbira tal-politiċi vvutaw favur.
Huwa fatt magħruf li tul il-presidenza tiegħu, u anki minn qabel fil-kampanja, Trump wera li jrid itejjeb ir-relazzjoni tal-Istati Uniti mar-Russja, u allura wieħed ibassar li jista’ juża l-veto sabiex is-sanzjonijiet fuq ir-Russja ma jseħħux.
Però, fis-sistema politika Amerikana, il-veto jista’ ma jiġi jiswa għal xejn jekk tliet kwarti jew aktar tal-Kamra tar-Rappreżentanti u tas-Senat jerġgħu jivvutaw bil-maqlub tal-veto tal-president.
Parti minn dawn is-sanzjonijiet fuq ir-Russja bdew jiffurmaw ruħhom lura fl-2014 taħt l-amministrazzjoni ta’ Obama, meta r-Russja ddeċidiet li tehmeż lill-Krimea magħha.
Iżda d-dibattitu dwar aktar sanzjonijiet lir-Russja jinsab ukoll imħawwar mal-allegazzjonijiet tal-indħil fl-elezzjonijiet presidenzjali mir-Russja, li qed tiġi akkużata li għenet lil Trump jieħu r-riedni f’idejh.
Għalhekk, veto min-naħa ta’ Trump se jitfa’ aktar ċertezza fuq min jemmen li hemm relazzjoni b’saħħitha bejnu u l-Kremlin.
Minbarra r-Russja, wieħed ma jridx jinsa li hemm żewġ pajjiżi oħra għas-sanzjonijiet: il-Korea ta’ Fuq u l-Iran bit-testijiet nukleari tagħhom.