Santa Venera tasal lura fir-raħal li jġib isimha

Għall-Vendriżi l-festa ta’ din is-sena se tkun waħda speċjali hekk kif se jilqgħu lura fir-raħal tagħhom il-vara titulari ta’ Santa Venera.
Għal dawn l-aħħar xhur, l-istatwa kienet għar-restawr intensiv u induratura ġdida u oriġinali.
Il-vara ta’ Santa Venera, se tasal lura fir-raħal li jġib isimha nhar it-Tnejn 24 ta’ Lulju u dakinhar se jinfetħu l-festi li jilħqu l-qofol tagħhom il-Ħadd 30 ta’ Lulju.
L-istatwa kienet inħadmet mill-artist Karmenu Mallia minn Ħal Qormi, imlaqqam Il-Lhudi, wara li fl-4 ta’ Settembru tal-1918 Santa Venera saret parroċċa.
Is-sena d-dieħla, din il-parroċċa se tkun qed tfakkar l-ewwel ċentinarju tagħha u għalhekk sar dan ix-xogħol fuq il-vara titulari li kien ilu jberren f’moħħ il-Vendriżi għal snin.
Il-vara se tasal f’Misraħ Santa Venera fis-6.00p.m. fejn se titbierek mill-Provinċjal tal-Karmelitani Patri Alexander Vella.
Minn hemm il-vara se titwassal sal-Knisja Parrokkjali akkumpanjata mill-banda tas-Soċjeta’ Filarmonika Santa Venera.
Kif il-vara tasal fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tingħata l-Barka Sagramentali.
Il-vara mbagħad tiddaħħal fil-knisja u titqiegħed fuq il-bankun għall-qima tal-pubbliku.
Aktar tard ser ikun organizzat kunċert fuq iz-zuntier tal-knisja parrokjali.