Awdjo: Pellegrinaġġ biex ifakkar l-400 sena paroċċa tal-Qrendi

Il-Paroċċa ta’ Santa Marija fil-Qrendi qed tiċċelebra 400 sena mit-twaqqif tagħha.
Għal din iċ-ċelebrazzjoni, il-Parroċċa tal-Qrendi ser tkun qed torganizza żewġ ċelebrazzjonijiet importanti, fosthom pellegrinaġġ bl-istatwa tar-redentur.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-Kappillan Fr Glen Buhagiar qal li l-pellegrinaġġ penitenzjali bl-istatwa ta' Ġesu Redentur se jerġa’ jgħaqqad iż-żewġ Parroċċi, taż-Żurrieq u dak tal-Qrendi.
Illejla fis-6pm, il-Pellegrinaġġ jitlaq mill-Knisja Ariċpretali ta' Santa Katarina, Żurrieq sal-Knisja Parrokkjali ta' Santa Marija, il-Qrendi, fejn wara ssir Quddiesa kkonċelebrata bejn iż-żewġt parroċċi. Dan il-pellegrinaġġ penitenzjali se jkun immexxi minn Mons. Joe Galea Curmi, Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta' Malta.
Nhar il-Ħadd li ġej, f’Jum it-Twaqqif tal-Parroċċa fl-10am se tiġi ċċelebrata Quddiesa Pontifikali mmexxija min Mons. Mario Grech, Isqof ta' Għawdex, flimkien ma' Mons Pawlu Cremona O.P, Arċisqof Emeritus fil-Knisja Parrokkjali ta' Santa Marija, il-Qrendi.
L-isotrja tal-Parroċċa tal-Qrendi
Sas-sena 1618, ir-raħal tal-Qrendi flimkien ma’ Ħal Lew u Ħal Manin kienu jaqgħu tal-parroċċa taż-Żurrieq.
In-nies tal-Qrendi u l-inħawi tal-madwar kienu jridu jmorru jisimgħu il-quddies jew jaqdu d-dmirijiet reliġjużi fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katarina taż-Żurrieq.
Minħabba d-distanza u n-nuqqas ta’ preżenza ta’ saċerdot fl-inħawi biex jamministraw is-sagramenti lill-poplu b’mod speċjali lil dawk li kienu qorbu lejn tmiem ħajithom, il-poplu tal-Qrendi ppreżenta talba lill-Isqof Cagliares biex dan ir-raħal u l-inħawi ta’ Ħal Lew u Ħal Manin jinfirdu miż-Żurrieq u titwaqqaf parroċċa oħra.
Wara li t-talba kienet evalwata, l-Isqof Baldassare Cagliares, b’digriet mogħti matul il-viżta pastorali nhar it-18 ta’ Frar 1618, waqqaf u stabilixxa l-Knisja ewlenija tar-raħal tal-Qrendi, taħt it-titlu tat-Tlugħa fis-Sema tal-Verġni Marija, bħala parroċċa.