Santa Marija: Festi, kuluri, mirakli u tama

Illum hija l-festa ta’ Marija mtellgħa s-sema bir-ruħ u bil-ġisem, Santa Marija. Matul il-ġurnata, sitt parroċċi f'Malta u l-Katidral ta' Għawdex jiċċelebraw din il-festa li għall-Knisja hija waħda kmandata.
Nhar il-Ħadd li ġej, Ħad-Dingli, l-Imġarr, Birkirkara (knisja l-antika) u ż-Żebbuġ Għawdex ukoll jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija.
Flimkien mal-funzjonijiet u l-paniġierku li jiġi minġus illum f’diversi Knejjes, il-festa ta’ Santa Marija tiġi ċċelebrata b’għadd ta’ kuluri u murtali flimkien mal-marċijiet tal-baned.
Għalkemm mhux magħruf meta bdiet il-festa tal-Assunzjoni għax bdiet fil-medjuevu, żmien li m’hawnx dokumentazzjoni dwaru, hu magħruf li sal-1880 kien hawn mat-92 Knisja f’Malta ddedikati għaliha.
Fl-1647, Gian Franġisk Abela kien kiteb li l-Katidral tal-Imdina oriġinarjament kien iddedikat lil Santa Marija.
Santa Marija u l-Konvoj
Bħal-lum 75 sena, fit-Tieni Gwerra Dinjija Malta kienet waslet biex taqa’ fidejn l-għadu. Madankollu b’miraklu t-tanker Ohio, deher fix-xefaq. Ohio kien mgħobbi bi fjuwil, żejt u munizzjoni. Permezz tiegħu u ta’ bastimenti oħra li daħlu qablu bil-provvisti tal-ikel, Malta setgħet tibqa’ tissielet.
L-attakki bil-bombi fit-Tieni Gwerra Dinjija bdew lejn it-tmiem tas-sena 1940. Sa sena wara f’Malta beda jagħfas il-ġuħ. F’Ġunju, 1942 l-Ingilterra bagħtet konvoj iżda dan ġie mgħerreq mill-għadu.
Il-konvoj ta’ Santa Marija telaq nhar it-3 ta’ Awwisu, bi 78 bastimenti. 14 minnhom tal-merkanzija u tanker wieħed, Ohio.
Minkejja li għal bidu mexa kollox sal-pjan, disat ijiem wara t-tluq tal-Konvoj, ġie attakkat mill-Ġermaniżi u t-Taljani u wħud mill-vapuri għerqu.
Nhar il-festa ta’ Santa Marija, 1942 deher it-tanker Ohio flimkien mal-vapur merkantili Brisbane Star.
Santa Marija 2017
Hekk kif ilbieraħ instabu ż-żewġ żgħażagħ, Nick Johnson ta’ 21 sena, u Mark Petric, 19-il sena  ħafna attribwew is-sejba lil Santa Marija.
Ħabiba taż-żgħażagħ qalet li l-ħbieb u l-qraba taż-żgħażagħ ma ridux jaqtgħu qalbhom li se taslilhom l-aħbar li nstabu. Hija atribwiet is-sejba taż-żgħażagħ miraklu tal-Madonna. Tenniet li l-qawwa tat-talb u s-sapport tal-pubbliku waslu biex iż-żgħżagħ jinstabu.
“Santa Marija hija sinjal ta’ tama għalina” – L-Arċisqof Charles Scicluna
L-Arċisqof Charles Scicluna qal li Santa Marija hija sinjal ta’ tama għalina għax il-wegħda ta’ Ġesù, li kull min ikun ħaġa waħda miegħu jduq il-Qawmien għall-ħajja, hija ċerta.
Fil-kummentarju mxandar fuq l-RTK, l-Arċisqof qal li f’din il-festa jitfakkar li Ġesù ried li ommu tissieħeb fil-Qawmien tiegħu mill-mewt.
Qal li l-Mulej ma riedx li l-Ġisem ta’ Marija mingħjar dnub jara t-taħsir tal-Qabar. Spjega li wara li ntemm il-kors naturali ta’ ħajjet Marija, il-Mulej ried li ġisimha jitla’ fis-sema.
Sostna li l-mewt hija kerha u li l-bniedem quddiem il-misteru tal-mewt jirrealizza bil-frugħat ta’ din id-dinja u li hemm destin aħjar għalih. Żied jgħid li meta nħarsu lejn id-destin ta’ Marija li għarfet iċ-ċokon tagħha u ħadnet lil Kristu magħha, il-Madonna tagħtina t-tama li Kelmet il-Mulej ma tonqosx, li hu l-Qawmien u l-ħajja għalina.
Talab biex il-poplu jikber fil-fidi lejn Ġesù, fidi mhux biss tas-sens tal-ħass imma fidi ta’ deċiżjoni li tirrispondi bl-imħabba għall-imħabba ta’ Alla li juri magħna kuljum meta jħenn għalina fin-nuqqasijiet tagħna.
“L-Insara m’għandhomx jaraw kollox iswed” – L-Isqof Mario Grech
Fl-ittra pastorali għall-Festa ta’ Santa Marija, l-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li saħaq li l-kisbiet tat-teknoloġija, xjenzi, ekonomiċi u politiċi għandhom jitgawdew minn kulħadd. Sejjaħ bħala “skandlu” meta l-Insara jaraw kollox minn nuċċali iswed. Ikkwota lill-Papa Franġisku li qal li l-Insara ma jċedux għal-lejl imma jittamaw fiż-żerniq.
Saħaq dwar l-etika tat-tama li qal trid tirbaħ lill-etika tal-biża. Fl-istess ħin, jispjega li meta wieħed jittama, ma jfissirx li dan joqgħod jistenna l-bajtra taqa’ f’ħalqu.
L-Isqof Grech ikompli jgħid li t-tama hija frott ta’ dixxerniment għaqli li wieħed jagħmel biex isib triqtu. Jispjega kif il-kelma “kriżi” ma tfissirx biss xi ħaġa li trid tingħeleb, iżda tinkludi wkoll investigazzjoni u għarbiel tal-essenzjal. Jitkellem dwar ir-rabja li xi drabi jħoss il-bniedem fil-konfront tal-affarijiet kif inhuma u l-kuraġġ li jrid ikollu biex ibiddel l-affarijiet.