Sant u l-KE f’battibekk dwar id-direttivi tas-sajd

L-Ewroparlamentari Alfred Sant tenna li l-informazzjoni li l-Unjoni Ewropea (UE) tiġbor dwar l-industrija tas-sajd tintuża biex finalment imur minn taħt is-sajjied iż-żgħir, filwaqt li jiġu ffavoriti l-kbar.
Sant kompla billi qal li s-sajjieda Maltin li jiltaqa’ magħhom regolarment, speċjalment dawk ta’ Marsaxlokk u l-Mellieħa, jesprimu miegħu t-tħassib tagħhom dwar it-theddida li jħossu għall-għajxien tagħhom. Huma jħeġġuh kontinwament biex iwassal leħinhom fil-Parlament Ewropew, filwaqt li hu qal li se jibqa' leali lejn dak li jgħidulu.
Dawn il-kummenti Sant qalhom b’riferenza għall-istqarrija tal-Kummissjoni Ewropea (KE) dwar il-kummenti tiegħu stess il-ġimgħa l-oħra, meta vvota kontra riżoluzzjoni ġdida tal-UE dwar is-sajd bl-isem ta’ Qafas dwar il-ġbir, l-immaniġġjar, u l-użu tal-informazzjoni fis-settur tas-sajd.
Ilbieraħ, il-KE sostniet li l-istqarrija ta’ Sant mhijiex korretta.
Il-ġimgħa l-oħra Sant qal li bil-liġi l-ġdida se jidħlu kwoti fuq il-pixxispad u l-lampuki fil-ġejjieni qarib.
Il-KE qalet li mhux se jkun hemm restrizzjonijiet fuq il-lampuki, u dwar il-pixxispad irrimarkat li x-xjenzati tal-ICCAT qalu li t-tnaqqis fil-pixxispad seħħ minħabba sajd eċċessiv, u għalhekk jinħtieġ kwota fuq is-sajd li hu l-fattur ewlieni għal dan it-tnaqqis fil-popolazzjoni. Dan il-pjan mistenni jtejjeb il-kwalità tal-pixxispad eżistenti.
Rigward il-kwoti, hija kompliet tgħid li l-allokazzjoni tal-kwota jiddeċiedi għaliha l-Gvern innifsu, u mhux tkun imppsta bilfors fuqu mill-UE.
Qalet li d-direttiva li għaddiet, dik li Sant ivvota kontrieha, se tgħin biex tissoda s-sostenibbiltà tas-sajd fit-tul taż-żmien.