Aġġornata: Jastjenu f’vot favur l-abort, Comodini “kien żball tekniku”

L-Ewroparlamentari Alfred Sant u Therese Comodini Cachia astjenew minn vot li jirreferi direttament għall-abort.
Il-vot tal-bieraħ fil-Parlament Ewropew kien dwar emenda f’riżoluzzjoni dwar il-ħarsien tas-saħħa tan-nisa f’każ ta’ kunflitt.
David Casa, Roberta Metsola, Miriam Dalli u Marlene Mizzi vvutaw kontra li tiżdied ir-referenza għall-abort fit-test ta’ din ir-riżoluzzjoni.
Alfred Sant astjena wkoll u Therese Comodini Cachia ma vvutatx, għall-emenda biex tiżdied frażi dwar l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa fl-oqsma sesswali u riproduttivi fl-istess riżoluzzjoni.
L-erba’ MEPs Maltin l-oħra vvutaw kontra din l-emenda ukoll, li fiha tiġbor l-aċċess għall-abort.
L-emendi proposti għaddew kollha.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-kandidati kollha għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2014 kienu qalu li qatt ma kienu lesti li jivvutaw favur l-abort.
Reazzjoni Therese Comodini Cachia
Kelliem għall-MEP Therese Comodini Cachia, qal li l-pożizzjoni tagħha kontra l-abort ma nbidlitx u “jidher li kien hemm problema teknika” fil-mod kif ġew reġistrati l-voti tagħha fil-Parlament Ewropew.
Spjega li diġà talbet li ssir emenda fil-voti tagħha u li din hi prattika normali wara sessjonijiet plenarji.
Bi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-kelliem bagħat dokument li juri t-talba biex il-voti jinbidlu għal ‘kontra’ u spjega li l-korrezzjonijiet ikunu ppublikati fil-jiem li ġejjin.
Mistoqsi dwar x’kienu l-istruzzjonijiet speċifiċi dwar dan il-vot b’rabta mal-abort, spjega li l-Partit Popolari Ewropew li tiegħu Comodini Cachia hi membru, irrakkomanda ‘vot kontra’ u b’mod speċifiku ‘vot kontra kull parti tal-emenda’. Qal li fil-fatt fl-ewwel emenda hija vvutat kontra.
Fi tweet illejla, Therese Comodini Cachia irreferiet għal Newsbook.com.mt u qalet li t-teknoloġija ma taħdimx fl-agħar mumenti meta tfalli fuq kwistjonijiet ta’ kuxjenza.