Sant maħsud li xi dipartimenti tal-Gvern bil-ħaddiema kollha jaħdmu mill-uffiċċju

Alfred Sant ħaddiema tal-Gvern

Read in English.

L-MEP Alfred Sant wera tħassib fuq il-fatt li minn nhar it-Tnejn li ġej, xi dipartimenti tal-Gvern se jkollhom l-istaff kollu jaħdem mill-uffiċċju minkejja twissijiet fuq il-pandemija.

Fuq Twitter, il-Membru Parlamentari Ewropew qal li jekk dan huwa minnu, ma jagħmilx sens meta wieħed iqis it-twissijiet tal-esperti li l-pandemija għadha ma spiċċatx, u anke peress li hawn il-varjant tal-coronavirus jinxtered fost il-komunità.

Huwa staqsa x’sens jagħmel li l-impjegati jinġabru kollha fl-istess spazju.

Allegazzjonijiet ta’ ħaddiema vulnerabbli sfurzati jaħdmu mill-uffiċċju

Il-Membru Parlamentari David Thake wieġeb it-tweet ta’ Dr Sant u qallu li jaf b’nies li kellhom it-talba tagħhom biex jaħdmu mid-dar rifjutata, minkejja li huma nies vulnerabbli.

F’Diċembru, Newsbook.com.mt kien infurmat li impjegati li jaħdmu fi ħdan il-Ministeru tal-Agrikoltura huma sfurzati jaħdmu mill-uffiċċju ta’ kuljum, għax il-kap tad-dipartiment tagħhom ma jħallihomx jaħdmu mid-dar jew huwa kontra dan il-metodu. Huma kienu stqarrew li l-irwol tagħhom fuq ix-xogħol ma jirrikjedix li jiltaqgħu man-nies, u għalhekk, ma setgħux jifhmu għaliex ma kinux qed jitħallew jaħdmu mid-dar.

Żiedu jgħidu li jaħdmu f’uffiċċju żgħir li ma jippermettilhomx li jżommu d-distanza soċjali meħtieġa bejniethom.

Newsbook.com.mt kien ikkuntattja lis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar fuq dan il-każ, u hu saħaq li l-pożizzjoni tiegħu hi ċara: li talbiet għal xogħol mid-dar f’dawn iċ-ċirkostanzi “għandhom jiġu milqugħa, kemm jekk ġejjin minn persuni dikjarati vulnerabbli u kemm jekk mod ieħor, sakemm is-servizz provdut jibqa’ jingħata.”

Huwa ssokta jgħid li hu infurmat li ma ġewx miżmuma talbiet fil-Ministeru tal-Agrikoltura.