Sant joħroġ kontra t-torri tad-db f’Pembroke

Alfred Sant sejjaħ l-iżvilupp tal-art mid-db group f’Pembroke “żball kbir,” li skontu, se jsegwi serje ta’ diżastri, bħal Chambray, Tigné Point u Smart City.

Skont l-MEP, dawn il-proġetti kollha jsegwu l-istess mudell: il-Gvern jgħaddi biċċa art lill-iżviluppaturi għal prezz baxx ħafna bil-patt li dawn joħolqu faxxinu turistiku li joħloq ix-xogħlijiet u ħafna ekonomija. Minnha joħolqu numru ta’ appartamenti “lussużi,” li mbagħad, jikruhom għal mijiet ta’ flus lil klijenti sinjuri.

Fil-blogg tiegħu fuq is-sit The Malta Independent, Sant kompla jgħid li dan il-mudell ta’ proġetti dejjem iwassal għal konsegwenzi fuq l-ambjent, l-infrastruttura, il-patrimonju storiku u aspetti oħra tal-ħajja li jiġu injorati.

Sant kiteb li jemmen li wasal iż-żmien li Malta tmur lura għal inċentivi għat-turiżmu bħal dawk li kienu jeżistu fis-sittinijiet u fis-sebgħinijiet.

Huwa sostna li jekk art pubblika għandha tinbiegħ bi prezz irħis għal proġett turistiku, il-proposta għandha tkun waħda turistika biss u mhux tinkludi stabbiliment residenzjali jew kummerċjali wkoll. Dan għaliex art li tinbiegħ għal residenzi jew kummerċ, kieku għandha tinbiegħ bil-prezz sħiħ.

Il-proposta tat-torri tal-grupp db f’Pembroke ġiet approvata fl-20 ta’ Settembru, b’10 jivvutaw favur, u 4 kontra.