Sant jivvota favur il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji Ewropej

L-Ewroparlamentri Laburista, Alfred Sant ivvota favur ir-Rapport Annwali tal-2016 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-ġlieda kontra l-frodi.
Fi stqarrija, ġie spjegat li r-rapport isemmi l-miżuri tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi u jippreżenta r-riżultati. Irrimarka li t-Trattat Ewropew qed jitlob kooperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li jippermetti miżuri speċifiċi dwar protezzjoni effettiva u ekwivalenti tal-interessi finanzjarju tal-Unjoni Ewropea.
Skont Dr Sant, id-direttiva tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (PIF) u l-ħolqien tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku Ewropew huma t-tweġibiet riċenti tal-Unjoni Ewropea li jiżguraw li l-flus taċ-ċittadini Ewropej u tal-baġits nazzjonali qed jinżammu tajjeb.
Sant sostna li wara perjodu twil ta’ awsterità, mhux sew li l-pajjiżi jsofru t-telf li jirriżulta mill-frodi, speċjalment dik tal-VAT.
Irrimarka li l-kompetenzi rispettivi tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) jeħtieġ jiġu definiti biex ma jirkbux fuq il-kompetenzi tal-Istati Membri fil-ħarsien tad-dħul nazzjonali tagħhom u s-sistemi ta’ rimbors tas-sistemi tat-taxxi tagħhom stess.
“Sistema Ewropea li tgħarbel l-informazzjoni u tidentifika l-kriminalità tista’ tkun strument effiċjenti kontra l-frodi,” sostna Dr Sant.