Sant jitlob spjegazzjoni dwar il-munita virtwali ta’ Facebook

Il-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant talab spjegazzjoni mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar proposta mill-Facebook biex tniedi munita virtwali.

Meta tkellem waqt sessjoni tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, Sant qal li peress li l-Facebook hija kumpanija globali u għandha biljuni ta’ kuntatti u klijenti, il-proposta tagħha biex tniedi munita virtwali hi maqtugħa mill-prattika dwar il-ħolqien ta’ muniti bħala arranġament li normalment tkun responsabbiltà tal-istat.

Waqt l-intervent tiegħu Dr Sant stqarr li l-operat tas-sistema proposta li taffettwa l-integrità tal-arranġamenti tal-banek ċentrali għadha mhix magħrufa u l-Unjoni Ewropea għandha tieħu pożizzjoni fuq il-kwistjoni.

Fil-Parlament Ewropew huwa qal li l-politika tal-UE f’dan il-qasam kienet iggwidata minn konsiderazzjonijiet short term u kkonkluda li kien wasal iż-żmien għal bidla fit-tmexxija tas-sistema ekonomika.