Sant jinnomina lill-għaqda tal-baned għal premju Ewropew

L-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant innomina lill-Għaqda Każini tal-Banda għall-Premju taċ-Ċittadin Ewropew għal din is-sena.
Filwaqt li faħħar ir-rwol tal-għaqda, Alfred Sant qal li din tagħti ġieħ lill-kontribut li jagħtu l-każini tal-baned lill-kultura mużikali u lill-għaqda fost is-soċjetà, filwaqt li semma l-kontribut qawwi volontarju tal-membri tagħha u tal-każini tal-baned.
L-Għaqda tal-Każini tal-Banda nħolqot fl-1947.
Alfred Sant fisser kif il-każini tal-banda jippromwovu iktar apprezzament popolari tal-mużika klassika u jinkoraġixxu l-ħolqien ta’ xogħlijiet mużikali f’Malta.
Irrefera għaċ-ċifri tal-NSO, li juru li fl-2014 f’Malta u f’Għawdex kien hemm 90 każin tal-banda u bejniethom kellhom iktar minn 37,000 membru, li 11.4% tagħhom kienu bandisti.
Bejniethom ukoll organizzaw iktar minn 1,100 programm mużikali li huma kontribut liema bħalu għall-kultura popolari.
In-nomina minn Alfred Sant kienet iffirmata wkoll miż-żewġ Ewroparlamentari Laburisti, Miriam Dalli u Marlene Mizzi.