Delia: Sant favur; Thake kritika; M Vella de Fremeaux jappoġġja

Ħu Nicola (Nickie) Vella de Fremeaux, Michael Vella de Fremeaux, qal li jappoġġja lil Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li mhux sew li qed joħorġu dettalji dwar il-ħajja privata ta’ Delia filwaqt li l-eks Segretarja Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake qalet li mexxej tajjeb jirreżenja b’dinjità.

Wara li bdew joħorġu rapporti fil-midja lokali dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li ħarġu minn dokumenti tal-Qorti ta’ martu, numru ta’ persuni kkumentaw dwar is-sitwazzjoni fuq il-midja soċjali.

‘għandek l-appoġġ tiegħi’ – ħu Vella de Fremeaux

F’kumment taħt post fuq Facebook ta’ Adrian Delia, Michael Vella de Fremeaux ħu Nickie Vella de Fremeaux (il-mara ta’ Delia) qal li Delia jibqa’ jgawdi l-appoġġ tiegħu “f’dan il-mument diffiċli”.

‘diżgustanti’ – Sant

 Alfred Sant qal li huwa “diżgustanti għal kollox kif l-affarijiet privati u familjari tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qed jitpoġġew fil-pubbliku.”

Diżgustanti għal kollox kif l-affarijiet privati u familjari tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qed jitpoġġew…

Posted by Alfred Sant on Saturday, December 29, 2018

‘mexxej tajjeb jirreżenja b’dinjità’ – Thake

Rosette Thake, mingħajr ma rreferiet speċifikament għal Delia, qalet fuq Facebook li mexxej tajjeb jirreżenja b’dinjità.

A good leader (nothing to do with votes and polls but all to do with integrity and moral authority) will bow out with…

Posted by Rosette Thake on Saturday, December 29, 2018

‘l-affarijiet jitranġaw’ – Musumeci

Il-Perit u Konsulent tal-Gvern Robert Musumeci qal li “f’ċirkostanzi familjari, anke jekk ikunu gravi u jsiru żbalji, l-affarijiet jistgħu jitranġaw għall-aħjar maż-żmien u dan speċjalment meta jkun hemm it-tfal.”

F'cirkostanzi familjari, anke jekk ikunu gravi u jsiru zbalji, l-affarijiet jistghu jittrangaw ghall-ahjar maz-zmien u…

Posted by Robert Musumeci on Saturday, December 29, 2018

‘bqajt skantat’ – Shaw

Wieħed mill-ewwel persuni li tkellem fuq il-midja soċjali fejn qal x’kienu l-allegazzjonijiet li qed jaffaċċja Delia kien Jonathan Shaw. Shaw kien kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014. Qal li baqa’ skantat kif wara erbat ijiem wara li ħarġu l-allegazzjonijiet ħadd ma kkundannahom fil-pubbliku. Huwa qal li vjolenza domestika fuq in-nisa u t-tfal hija ħaġa serja.

I have read the full statement sworn under oath and filed as a public document by the wife of the leader of the…

Posted by Jonathan Shaw on Friday, December 28, 2018

‘qatt ma kienet tenibbli l-pożizzjoni ta’ Delia’ – Farrugia

Il-Membru Parlamentari tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia qalet li l-pożizzjoni ta’ Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni qatt ma kienet tenibbli. Qalet li issa hija kompletament mhux tenibbli. Farrugia qalet ukoll li lestha ċċedi s-siġġu tagħha fil-Parlament f’każ li l-persuna li tintagħżel bħala Kap tal-Oppożizzjoni tkun ġejja minn barra l-grupp parlamentari.

As I have been saying for many months, if Adrian Delia loves PN and our little nation, he should now step down.If…

Posted by Marlene Farrugia on Saturday, December 29, 2018

‘kultura ta’ riżenja’ – Prof. Azzopardi

Id-Dekan tal-Fakultà tat-Tisħiħ tas-Soċjetà fl-Università ta’ Malta Prof. Andrew Azzopardi qal li persuna fi rwol pubbliku tirreżenja mhux għax tkun instabet ħatja imma għax tkun trid tiddefendi allegazzjoni speċjalment meta tkun serja.

KULTURA TA’ RIZENJAIrridu nifhmu f’ dan il-Pajjiz li persuna f’ rwol pubbliku (b’ mod partikolari politiku) tirrizenja…

Posted by Andrew Azzopardi on Sunday, December 30, 2018

Fl-editorjal tagħha, The Sunday Times of Malta ddeskriviet l-allegazzjonijiet li qed jiffaċċja Delia bħala “serji ħafna”. Qalet li l-każ huwa ta’ interess pubbliku peress li Delia huwa persuna magħrufa fil-pubbliku. Apparti minn hekk l-editorjal jgħid li jekk l-allegazzjonijiet huma veri, Delia ma jkunx jista’ jibqa’ jservi fil-kariga tiegħu. L-editorjal temm jgħid li l-PN ma jistax ikun oppożizzjoni agħar milli huwa kkunsidat illum bħalissa.

Il-gazzetta ta’ nhar ta’ Ħadd tal-Partit Nazzjonalista, il-Mument, ma qalet xejn dwar l-allegazzjonijiet fl-editorjal tagħha. Fil-faċċata tagħha, il-gazzetta allegat li f’Kastilja qed “jisskoktaw it-tħejjijiet għad-dħul tal-abort”. Semmiet ukoll li hemm “elementi fi ħdan il-grupp Occupy Justice li ddikjaraw li huma favur l-abort”. Fl-aħħar jiem, l-attivisti ta’ Occupy Justice kienu talbu għar-riżenja ta’ Delia minħabba l-allegazzjonijiet li hemm kontrih.

X’qal Delia?

Il-Kap tal-PN Adrian Delia kien qal fuq facebook li qed jiċċirkolaw “allegazzjonijiet malizzjużi” fuq il-midja soċjali. Fl-istess kumment qal li se jżomm “mal-qbil milħuq fil-Qorti li ma jsirux kummenti pubbliċi dwar is-separazzjoni” bejnu u bejn martu.

Filwaqt li ninnota b'dispjaċir l-allegazzjonijiet malizzjużi li qed jiċċirkolaw fuq is-social media, se nkun qiegħed…

Posted by Adrian Delia on Saturday, December 29, 2018

Illum, Adrian Delia qal li “l-allegazzjonijiet foloz” li qed jiċċirkolaw dwar is-separazzjoni mill-mara tiegħu se jkomplu jsaħħuh biex b’determinazzjoni ikompli għaddej bil-ħidma politika tiegħu għall-pajjiżu u għal uliedu.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-Ħamis li għadda, l-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Jacquiline Padovani Grima tat il-permess lil Delia biex ikun jista’ jara t-tfal tiegħu tliet darbiet fil-ġimgħa.

Dr Vella De Fremeaux, għamlet serje ta’ allegazzjonijiet ta’ vjolenza domestika kontra Delia fosthom li ġiegħel lil ibnu jiekol ikel tal-klieb.

Fid-29 ta’ Diċembru, f’nota editorjali Newsbook.com.mt qal li mingħajr ma jidħol fil-mertu tal-każ, jemmen li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ħamis li għadda hija fl-interess pubbliku.