Sant jaqbel mal-proposta tal-VAT għal negozji żgħar

L-MEP Alfred Sant qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-iskema speċjali tal-eżenzjoni tal-VAT għal negozji żgħar.

Sant, Shadow Rapporteur għall-Grupp tal-S&D, qal li dan għandu jsir f’każ li l-istati membri tal-Unjoni Ewropea jagħżlu metodi aktar stretti għall-ġbir tal-VAT. Dan qalu hu u jindirizza lill-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Affarijiet Ekonomiċi (ECON).

In-negozji ż-żgħar jaffettwaw lil pajjiżi differenti b’modi differenti; xi pajjiżi jiddependu aktar mill-VAT miġbur minn dawn in-negozji minn pajjiżi oħra. Malta, pereżempju, tirċievi l-akbar kontribut fiskali minn dawn l-SMEs.

Sant saħaq li l-MEPs għandhom jivvutaw skont iċ-ċirkostanzi tal-pajjiżi tagħhom.

Huwa wera l-appoġġ tiegħu għat-twaqqif ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni online u għal one-stop-shop għat-tqassim tal-VAT returns fi stati membri differenti li se jkunu stabbiliti mill-Kummissjoni.

Sant enfasizza li l-miżuri ta’ simplifikazzjoni m’għandhomx iwasslu għal evitar tat-taxxa u l-frodi fil-VAT. Huwa qal ukoll li hu favur il-limitu propost mill-Kummissjoni ta’ €2 miljun fatturat kull sena.

Ir-rapport se jitressaq għal vot nhar l-Erbgħa 11 ta’ Lulju fil-Kumitat ECON u se jiġi diskuss u vvutat aktar tard f’Settembru fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew.