Sant jappella lil Lagarde biex tħares il-banek żgħar f’pajjiżi żgħar

Alfred SANT in the EP in Strasbourg

Read in English.

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant appella sabiex il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew tindirizza l-qagħda ta’ banek żgħar u medji li joperaw f’pajjiżi żgħar. 

Waqt is-sessjoni plenarja fi Strasburgu, li attenda għaliha Newsbook.com.mtSant insista li dawn il-banek kienu qed jitgħabbew bil-piż ta’ regolamenti stabbiliti b’mod ċentrali mill-Unjoni Ewropea. Hu kien qed jitkellem waqt dibattitu plenarju tal-Parlament Ewropew li ddiskuta l-ħatra tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew. Hawn Sant esprima l-appoġġ tiegħu għall-ħatra ta’ Christine Legarde minkejja li qal li ma jaqbilx mal-orjentazzjoni politika tagħha.

Aqra: Irene Tinagli eletta President tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Sant enfasizza s-sitwazzjoni tal-banek żgħar u ta’ daqs medju. Qal li l-Bank Ċentrali Ewropew kellu t-tendenza li jwarrabhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu. Huwa qal li banek medji jew żgħar fiż-żona Ewro, li wħud minnhom kienu joperaw fl-istati iżgħar kienu kkunsidrati bħala banek “sistemiċi”. Qal li l-ħidma ta’ dawn il-banek hi marbuta ma’ swieq nazzjonali u kienu jservu ħafna negozji żgħar u medji fis-swieq domestiċi tagħhom li mingħajrhom jispiċċaw jitħabtu biex isibu kapital għaliex banek ikbar ftit kellhom interess.

Fil-fehma ta’ Sant, dawn il-banek kienu qed jiġu mgħobbija bil-piż ta’ regolamenti stabbiliti b’mod ċentrali taħt il-proċeduri tal-unjoni bankarja. B’hekk kienu qed jagħmlu inqas profitt. 

Fil-votazzjoni plenarja Lagarde kisbet l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew biex tkun il-President li jmiss tal-Bank Ċentrali Ewropew. F’vot sigriet, il-MPE ivvotaw 394 favur, 206 kontra u 49 astensjoni.