Sant iwiegħed li se jgħin lir-raħħala

Waqt żjara f’razzett tal-baqar f’Ta’ Kerċem Għawdex, l-Membru Ewroparlamentari u kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li se jkun qed jagħmel l-almu tiegħu biex jgħin lir-raħħala Għawdxin u Maltin jirċievu l-għajnuna bl-użu tal-fondi Ewropej. Huwa qal li permezz ta’ dawn il-fondi l-bdiewa u r-raħħala jkollhom inċentivi biex imantnu l-livelli attwali tal-produzzjoni, f’setturi jew reġjuni fejn minħabba diversi raġunijiet ikollhom ċerti diffikultajiet.

F’dan ir-razzett Sant iltaqa’ ma’ Salvu Tabone u l-familja tiegħu li jrabbi madwar mitt baqra għall-produzzjoni tal-ħalib. Tabone spjegalu l-isfidi li jgħaddu minnhom f’din il-produzzjoni. Sant qal li r-raħħala Għawdxin u Maltin għandu jkollhom l-appoġġ tal-Gvern biex din il-produzzjoni tkun żgurata.