Sant isejjaħ il-proċedura tal-inkjesta pubblika fuq il-qtil ta’ Daphne “fażulla”

ECON - Monetary Dialogue with Mario Draghi, President of the European Central Bank-European Systemic Board

Il-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant sejjaħ il-proċedura tal-inkjesta pubblika fuq il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia “fażulla.”

F’kitba fuq Facebook qal li jiskanta kif imħallfin ta’ esperjenza “intelqu f’din it-triq fejn ħafna mid-diskors ma jorbot xejn ma’ dak li l-inkjesta suppost twaqqfet biex tiddetermina.”

Huwa stqarr li jekk l-intenzjoni tal-inkjesta kienet li toħloq teatrini “biex minnhom jinħoloq ċertu kapital propagandistiku” f’hekk qed jirnexxilha. Sant xebbah l-andament tal-inkjesta mar-rakkonti fl-Iljieli Għarbin.

L-MEP qal prosit lill-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield, li skontu, “qal tiegħu kif qalha.” Bedingfield xehed il-ġimgħa li għaddiet fuq talba tiegħu stess. Bedingfield ċaħad li ħoloq klima li kienet tippermetti biex tinqatel il-ġurnalista, u qal li kien jikteb fuqha fil-blogg tiegħu kif kienet tikteb fuqu hi.

L-ewwel seduta tal-inkjesta pubblika saret fis-6 ta’ Diċembru tal-2019. Dan wara li l-Gvern li dak iż-żmien kien għadu mmexxi minn Joseph Muscat bħala Prim Ministru kien ħatar l-inkjesta fl-20 ta’ Settembru tal-2019. Wara qbil mal-familja Caruana Galizia dwar il-membri tal-Bord tal-Inkjesta f’Novembru, il-każ beda għaddej fil-Qorti.

L-inkjesta pubblika se tkompli għada.