Sant iniedi l-kampanja tiegħu; “Tqażżiżt narahom imaqdru lil Malta fl-UE” – Sant

L-MEP Alfred Sant, mill-ġdid kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, qal li tqażżeż jara lil ħaddieħor jimmina isem Malta fil-Parlament Ewropew. Għalhekk għażel li jsemmi l-kampanja tiegħu Fiduċja f’Malta – għal Ewropa Soċjali. Huwa nieda l-kampanja tiegħu lbieraħ fil-preżenza tal-Prim Ministru li faħħru personalment talli qabeż għal Malta, għall-Partit Laburista, u anke għalih fil-Parlament Ewropew.

Sant sostna li hu Malti qabel ma hu Ewropew, u għalhekk, tenna l-ħtieġa li l-Maltin juru l-fiduċja tagħhom f’Malta kull fejn ikunu.

Huwa ħabbar li din se tkun l-aħħar elezzjoni li se jieħu sehem fiha. Stqarr li r-raġuni għaliex ħareġ għal din l-elezzjoni kienet għax il-Prim Ministru talbu jagħmel dan. Min-naħa tiegħu, Muscat insista li Malta teħtieġ lil Alfred Sant u l-esperjenza tiegħu. Il-Prim Ministru qal li l-ħidma fis-skiet ta’ Sant hija importanti fi żmien meta s-soċjalisti u demokratiċi fl-Ewropa mhux jattiraw l-appoġġ tan-nies.

L-attività ġiet indirizzat wkoll minn Alison Zerafa Civelli u Christian Zammit. Ixxandar ukoll messaġġ ta’ appoġġ tal-Ministru Helena Dalli.