​ Sant imħasseb dwar il-kwalità tas-saħħa pubblika fl-Ewropa

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li jħoss li f’ċerti każijiet “sejrin lura aktar milli ’il quddiem” fejn tidħol is-saħħa pubblika fl-Ewropa.
Fi stqarrija Sant qal li wieħed ta’ sikwit jisma’ ilmenti fl-Ewropa dwar il-kwalità u l-limiti tas-sistemi tas-saħħa pubblika. Huwa qajjem tħassib dwar “l-istandards li sejrin l’isfel” li fi kliemu “żgur ma jirriflettix il-prinċipji” tal-UE.
Huwa kien qed jitkellem waqt ċerimonja li fiha nieda x-xahar iddedikat għall-Għarfien tal-Kanċer tal-Musrana l-Kbira fl-Ewropa organizzata mill-EuroColon fil-Parlament Ewropew fi Brussell.
Sant, li għeleb il-kanċer, qal li ċ-ċittadini kollha tal-UE, għandu jkollhom aċċess għall-iscreening tal-musrana l-kbira. Skont Sant, dan l-aċċess għandu jkun sempliċi u irħis fil-prezz biex kulħadd ikun jista’ jilħqu.
Sant spjega li l-kanċer tal-musrana l-kbira huwa t-tieni l-aktar kanċer komuni fl-Ewropa. Kull sena, madwar 470,000 persuna timrad bih. Nofshom imutu. Kompla jgħid li filwaqt li din il-marda taqbad l-aktar lil dawk li qabżu l-ħamsin sena, hemm żieda inkwetanti fost dawk li għandhom inqas età.
Sant qal li fil-kuntest li jeżistu diskrepanzi kbar fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa medika bejn il-pajjiżi, ir-rata ta’ għixien tal-pazjenti bil-kanċer tal-musrana hija akbar f’dawk il-pajjiżi li għandhom aċċess aħjar għall-iscreening, speċjalment screening endoskopiku u kura speċjalizzata.
Sant stqarr li hemm bżonn li l-Parlament Ewropew iżid l-għarfien u l-aċċessibilità għall-kura preventiva.