​Sant: “Il-fond tal-Kummissjoni Ewropea: ftit wisq u tard wisq”

L-Ewroparlamentari Alfred Sant qal li l-fond strateġiku għall-2015 propost fil-programm tal-Kummissjoni Ewropea huwa “ftit wisq u wasal tard wisq”.
F’intervent fil-Parlament Ewropew, Dr. Sant qal li l-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2015 huwa mimli u jmur dritt għall-punt.
Fl-istess waqt qal li l-programm jirrikonoxxi l-ħtieġa għal azzjoni urġenti biex jiġi stimulat investiment ġdid.
Żied jgħid li l-mistoqsija tibqa' jekk il-proposta biex jitwaqqaf fond Ewropew ġdid għal investimenti strateġiċi tistax tagħmel differenza.
Isemmi kif il-fond qed jinbena minn flejjes li diġà ġew allokati u se jkunu mwieżna b'impenji privati li għad iridu jimmaterjalizzaw. Il-pakkett totali huwa ta' 315 biljun ewro.
Dr Sant temm jgħid li fil-verità ma hemm l-ebda flejjes ġodda involuti. Għalhekk saħaq dwar l-urġenza li jinstabu u jitħaddmu fondi sostanzjali ta' investiment.