​ Sant favur entità Ewropea għall-ispjunaġġ finanzjarju

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant ivvota favur rapport jipproponi t-twaqqif ta’ entità Ewropea għall-ispjunaġġ finanzjarju biex jikkombatti t-terroriżmu.
Fi stqarrija Sant qal li r-rapport jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ lista b’individwi u entitajiet li joperaw taħt reġimi mċajpra u l-ħtieġa ta’ monitoraġġ tajjeb fuq organizzazzjonijiet u tranżazzjonijiet suspettużi, pre-paid cards u muniti virtwali.
Sant tkellem dwar l-importanza tal-ħolqien ta’ entità Ewropea li tiġġieled it-terroriżmu u li eventwalment titmexxa mill-EUROPOL fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.
Sant qal li entitajiet finanzjarji nazzjonali għandhom isaħħu l-kapaċità tagħhom ta’ spjunaġġ filwaqt li l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn entitajiet finanzjarji nazzjonali għandhom ikunu prijorità fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.
Fi kliem Sant, it-trasparenza hija ċ-ċavetta li tiżgura li crowd funding, muniti virtwali, teknoloġiji Fin Tech jew pre-paid cards ma jkunux abbużati b’identifikazzjoni tas-sidien benefikarji.