Sant jappella għal strateġija kontra l-populiżmu

Alfred SANT in the EP in Strasbourg

L-ewroparlamentari Laburista Dr Alfred Sant sejjaħ għal politika bbażata fuq il-ġustizzja ekonomika, migrazzjoni u koeżjoni. Appella wkoll għal strateġija kontra l-populiżmu.

Hu kien qed jitkellem waqt laqgħa tal-Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti li ltaqa’ biex jiddiskuti t-tim il-ġdid ta’ Kummissarji Ewropej fil-preżenza tal-Kummissarju Għoli Spanjol għall-Aġenda 2030 Cristina Gallach u Luca Visentini, is-Segretarju Ġenerali tal-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins Ewropej.

F’konferenza stampa, il-President nominata tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen ippreżentat tim ta’ tliet viċi presidenti eżekuttivi, ħames viċi presidenti u 18-il kummissarju fosthom Helena Dalli li ġiet assenjata d-dekasteru tal-Ugwaljanza. Dawn kollha se jkollhom bżonn jieħdu sehem f’seduti parlamentari fil-ġimgħat li ġejjin.

Fid-dibattitu tal-Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D)li ffoka fuq il-portafolli assenjati lill-Kummissarji l-ġodda u l-istruttura imposta minn Van der Leyen, Dr Alfred Sant iddikjara li l-Grupp S&D jeħtieġ li jkun strateġiku fuq il-mod kif jopera.

“Għandna negħlbu lill-populisti u biex nagħmlu dan jeħtieġ li niffukaw fuq tliet oqsma strateġiċi: il-ġustizzja ekonomika, il-migrazzjoni u l-koeżjoni. Inkella, aħna nbatu kontra l-populisti kif qed isir diġà f’dan l-istadju “, qal Dr Sant”

Matul l-istess dibattitu, numru ta’MEPs tal-Grupp S&D ilmentaw dwar il-ħolqien ta’ Kummissarju Għall-Ħarsien tal-Mod ta’Ħajja Ewropea sabiex tissorvelja l-politika tal-migrazzjoni għaliex jarawha bħala ġest favur il-lemin estrem.

MEPs oħra tal-Grupp S&D ilmentaw dwar l-inklużjoni tal-aħħar minuta ta’Viċi President Eżekuttiv ġdid. Aktar tard, Ursula von der Leyen kellha laqgħat twal mal-mexxejja tal-gruppi politiċi ewlenin fil-Parlament Popolari Ewropew u Dacian Ciolo tar-Renew Europe.