“Sanremo mingħajr udjenza fit-teatru ma jagħmilx sens” – Fiorello

L-edizzjoni li jmiss ta’ Sanremo, il-71 waħda, mistennija tittella’ bejn it-2 u s-6 ta’ Marzu tas-sena dieħla. Ftit huma d-dettalji magħrufa imma jdiher li diġà qed titqajjem polemika, mhux minħabba xi kanzunetta jew kantant, imma minħabba l-miżura li qed jiġu maħsuba li jittieħdu minħabba fil-pandemija tal-coronavirus.

Dan minħabba li fit-teatru tal-Ariston se jkun limitat kemm jistgħu jattendu n-nies beix b’hekk tiġi rispettata d-distanza soċjali.

Hu qed isostni li hu bħala wieħed mill-preżentaturi, kif ukoll il-kantanti parteċipanti, se jkunu qed isibu diffiċċli li jkunu fuq palk b’teatru kważi vojt. Dan minħabba li apparti li se tkun limitata l-udjenza preżenti, se jkun hemm restrizzjonijiet fuq in-numru tal-ġurnalisti preżenti biex jirrappurtaw fuq il-festival.

Għalkemm s’issa għadu kmieni biex wieħed ikun jaf x’se tkun id-deċiżjoni finali, jidher li d-diretturi tal-festival qed jaħsbu fuq l-eventwalità li s-sitwazzjoni tal-Covid-19 tkun għadha magħna.

Iżda ħafna huma dawk li ma qablux ma’ dak li qal Fiorello u sostnew li l-vera pubbliku ta’ Sanremo mhix l-udjenza fis-sala iżda l-udjenza li tkun qed isegwi dan il-festival permezz tat-televiżjoni mill-kumdità ta’ darhom.