Sandra Xuereb tirbaħ l-ewwel unur lokali fil-bowling

Il-logħob mill-finali tal-kompetizzjoni tal-Bowling lokali wasslu lil Sandra Xuereb u lil Ian Howard biex jirbħu l-kompetizzjoni tat-Tazza tal-Bronż. Xuereb ikkwalifikat għall-finali b’logħba tajba fejn kisbet 196 punt. Magħhha kkwalifikaw Ruslana Grima, Angele Azzopardi, Natasha Bianchi, Kathryn Fenech u Jessica Farrugia.

Farrugia rebħet erba’ minn ħames logħbiet biex telgħat fit-tielet post. Fenech waslet sat-tieni post wara li tilfet l-aħħar logħba kontra Xuereb. B’hekk Xuereb irnexxielha tirbaħ l-ewwel unur tagħha f’dan l-isport.

Keith Farrugia beda tajjeb ferm fil-fażi tal-finali u rnexxielu jirbaħ kontra Damian Pisani. Iżda naqqas mir-ritmu li qabad u spiċċa niżel fil-ħames post. Il-veteran Ian Howard min-naħa l-oħra, rebaħ erba’ minn ħames logħbiet u spiċċa fl-ewwel post wara li għadda lil Pisani b’distakk minimu ta’ ħames pins.

Travis Barbara wkoll għamel prestazzjoni tajba biex spiċċa fit-tielet post.