San Vincenz jagħlaq 125 sena f’faċċata ġdida

L-Isptar San Vibċenz de Paule għandu faċċata ġdida, hekk kif qed ifakkar il-125 sena mit-twaqqif tiegħu.
Il-Ministru għall-Familja, Michael Falzon, u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, ilbieraħ inawguraw dan ir-restawr tal-faċċata u rringrazzjaw lill-ħaddiema kollha li kienu involuti.
Sostnew li l-Gvern se jibqa’ kommess li jkompli b’aktar ħidma sabiex ir-residenza ikollha l-aqwa standards għall-anzjani kollha li jgħixu fiha.
Agius Decelis fakkar li hemm diversi proġetti oħra ppjanati għall-futur, fosthom it-tieni blokka tal-Kumpless Rużar Briffa fejn se jiżdiedu tliet swali oħra b’130 sodda; kċina ġdida li diġà beda x-xogħol fuqha, menu tal-ikel ġdid għall-anzjani; żieda ta’ 500 sodda, spiżerija ġdida, karozzi ġodda, Sala tad-Dimensja ġdida, u żieda fil-professjonisti f’oqsma varji.
Min-naħa tagħha l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz, Dr Josianne Cutajar, irringrazzjat lill-Kumitat dwar l-Għajnuna Soċjali talli ffinanzja r-restawr tal-faċċata li ġiet tiswa’ €300,000.
Preżenti wkoll kien hemm l-Arċisqof Emeritu, Pawlu Cremona, li bierek il-faċċata u l-bini ta’ San Vinċenz u filwaqt li awgura għax-xogħol li sar u li qiegħed isir, irringrazzja lill-anzjani għal kontribut tagħhom lejn is-soċjetà Maltija.
Ritratti: DOI – Kevin Abela