San Vinċenz: Sistema ta’ monitoraġġ għal kull min jidħol

Archives

Read in English.

Fir-residenza ta’ San Vinċenz De Paul inbdiet sistema ta’ monitoraġġ għal dawk kollha li jidħlu f’din ir-residenza. Qed jiġi wkoll avżat li l-appuntamenti għas-servizzi tal-outpatients f’din ir-residenza se jiġu skedati għal dati oħra.

Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità avżaw li b’rabta mal-miżuri diġà maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika qed jittieħdu l-passi preventivi kollha sabiex tiġi assigurata s-sigurtà għar-residenti fid-djar tal-anzjani.

Il-Ministeru stqarr li huwa ferm importanti li kull min iħossu ma jiflaħx jew għadu kif vjaġġa fil-pajjiżi indikati mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, dan m’għandux iżur il-qraba li jinsabu f’dawn ir-residenzi. Kull persuna li żżur dar tal-anzjani għandha wkoll taħsel idejha meta tidħol u anki qabel ma toħroġ.

L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed tavża wkoll li qed tara li f’kull dar residenzjali jkun hemm hand rub disponibbli f’kull entratura. Barra minn hekk, il-ħinijiet taż-żjarat se jkunu restritti biss għal waranofinshar u għal filgħaxija u l-viżitaturi għandhom ikunu limitati għal massimu ta’ tnejn ħdejn kull resident. Dan japplika wkoll għar-residenza ta’ San Vinċenz De Paul.