San Stiefnu jgħallimna l-maħfra

It-tħaġġir ta' San Stiefnu, l-ewwel martri

Il-Papa Franġisku qal li l-ewwel martri tal-Knisja, San Stiefnu,  jgħallimna nafdaw f’Alla u li dejjem għandna naħfru. “Il-maħfra, tiftaħ il-qalb u tagħti s-serenità u l-paċi.”

Il-Papa qal li l-kuntrast bejn il-ferħ tat-twelid ta’ Ġesù Bambin u l-krudeltà tal-martirju ta’ San Stiefnu jista’ jidher stramb. “Iżda dan mhux il-każ, għax Ġesù Bambin hu l-Iben t’Alla magħmul Bniedem, li jsalva l-umanità bil-mewt fuq is-salib”. U San Stiefnu kien l-ewwel bniedem li mexa fuq il-passi ta’ Ġesù permezz tal-martirju. Hu miet bħal Kristu “jagħti ħajtu lil Alla u jaħfer li min ippersegwitah.”

Huwa rrifera għall-Atti tal-Appostli mnejn nafu li Stiefnu, li kien djaknu, ittieħed quddiem is-Sinedriju f’Ġerusalemm fejn sarulu akkużi foloz ta’ dagħa. Stiefnu jitkellemm fit-tul mas-Sinedrin, iżda kliemu jirrabjahom. Waddbuh il-barra mill-belt u ħaġġruh sal-mewt. Il-Papa qal li San Stiefnu aċċetta dak li ressqitlu l-ħajja kemm jekk kien pożittiv kif ukoll negattiv. “Il-fiduċja f’Alla tgħinnha nilqgħu mumenti diffiċli u ngħixuhom bħala opportunità biex nikbru fil-fidi u nibnu relazzjonijiet ġodda.

Stiefnu imita wkoll lil Kristu billi kellu attitudni ta’ maħfra u talab għal min ippersegwitah. “Aħna għandna x’nitgħallmu mill-eżempju tiegħu li jaħfer dejjem”, qal Papa Franġisku L-eżempju ta’ San Stiefnu hu l-mod kif għandna ngħixu r-relazzjonijiet tagħhna ma’ persuni oħra: fil-familja, l-iskola, fil-post tax-xogħol, fil-parroċċa. “Il-loġika tal-maħfra u l-ħniena dejjem tirbaħ u tiftaħ orizzonti ġodda ta’ tama”.

Il-Papa qal li l-maħfra nikkultivawha permezz tat-talb “li jgħina nżommu ħaristna fuq Ġesù.” San Stiefnu kien kapaċi jaħfer lil min qatlu għax “mimli bl-Ispirtu s-Santu, ħares lejn is-sema u Alla fetaħlu għajnejh. It-talb tah is-saħħa biex isori l-martirju”.

“Aħna wkoll ikkonkluda l-Papa għandna bżonn nitolbu ħafna lill-Ispirtu s-Santu biex “jagħtina r-rigal tas-saħħa li tfejjaq il-biża’ tagħna, id-djufija tagħna u l-moħħ żgħir tagħna”, temm jgħid Papa Franġisku.