San Pawl jiftaħ il-festi Għawdxin b’differenza

Il-parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu fil-Munxar din is-sena qed tiċċelebra l-festa titulari b’mod mill-aktar differenti. Dan peress li l-parruċċani u dawk kollha devoti ta’ San Pawl qed igawdu l-festa biss minn djarhom permezz ta’ xandiriet live mill-Knisja.

Il-Knisja Parrokkjali tinsab bil-bibien magħluqa minħabba d-direttivi tas-saħħa u anke tal-Kurja f’Għawdex iżda l-entużjażmu għall-festa baqa’ ħaj f’dan ir-raħal Għawdxi.

Id-dilettanti tal-festa ma naqsux milli jagħmlu li jistgħu biex itaffu ftit mid-diżappunt li ġabet din il-pandemija billi ħolqu atmosfera ta’ festa permezz ta’ armar fil-pjazza ewlenija. Għalkemm il-qsim ta’ qalb f’dawn il-jiem huwa kbir, xorta waħda raw kif għamlu u taw togħma żgħira ta’ festa lil dawk kollha li jiffrekwentaw dan ir-raħal sabiħ u kwiet.

Iż-żgħażagħ ħabrieka żgur li mhux se jaqtgħu qalbhom u jibqgħu jaħsbu u jirsistu biex wara din il-pandemija jiċċelebraw din il-festa ad unur il-patrun tagħhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn