San Pawl il-Baħar: Residenti mħassba dwar ħmieġ f’wiċċ il-baħar

Residenti ta’ San Pawl il-Baħar għal darb’oħra jinsabu mħassba dwar ħmieġ li jidħol b’mod regolari mill-fish farms għal max-xatt.
L-Arċisqof Charles Scicluna ukoll wera t-tħassib tiegħu. Fi tweet, appella biex jittieħdu l-prekawzjonijiet biex dawn l-inċidenti jkunu evitati.
Ippublika ritratti ta’ ħaddiema fuq dinghy li ma rnexxilhomx jikkontrollaw ir-roqgħa tal-ħmieġ li daħlet ilbieraħ max-xatt.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Charles Azzopardi, sid tal-fish farms li jinsabu ‘l barra mill-Gżejjer ta’ San Pawl. Skont hu l-ħmieġ kien ġej minn żbroff tad-drenaġġ.
Iżda, kelliem għall-Koporazzjoni tal-Ilma qal ma’ Newsbook.com.mt li l-ħmieġ ma kienx mid-drenaġġ.
Il-kwistjoni tal-ħmieg tal-fish farms ilha diversi snin toħloq inkonvenjent lir-residenti u lill-għawwiema f’San Pawl il-Baħar.
Fil-bidu tax-xahar tħabbar li l-Gvern se jinvestiga t-tniġġiż mill-fish farms. Għadu mhux magħruf x’inhu r-riżultat ta’ dawn l-investigazzjonijiet mill-Ministeru tal-Ambjent u s-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd.
Is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Graziella Galea qalet ma’ Newsbook.com.mt li tittama li r-riżultat tal-analiżi jkun magħruf mill-aktar fis, bit-tama li jkun magħruf il-vera sors tiegħu. Spjegat li b’hekk tkun tista’ tittieħed l-azzjoni meħtieġa biex is-sors ta’ dan il-ħmieġ jitwaqqaf immedjatament.
“Mhux sew li jiġri x’jiġri, jeħel it-tonn”- Charles Azzopardi
Is-sid tal-fish farms, Charles Azzopardi qal li r-roqgħa li dehret ilbieraħ ma kinitx ħmieġ mill-fish farms u “mhux sew li jiġri x’jiġri, jeħel it-tonn”.
Spjega li nies mill-fish farms marru jikkontrollaw ir-roqgħa b’apparat apposta. Qal li ħarġuha ‘l barra minn max-xatt, iżda rriżultalhom li din kienet drenaġġ u mhux ħmieġ mill-fish farms.
Insista li hu ġabar litru mill-"ilma bid-drenaġġ” bħala prova.
“Ma kienx drenaġġ” – Korporazzjoni tal-Ilma
Kelliem għall-Koporazzjoni tal-Ilma qal ma’ Newsbook.com.mt li dan assolutament ma kienx żbroff ta’ drenaġġ. Spjega li xi tliet ġimgħat ilu kien hemm inċident żgħir, fejn far ftit drenaġġ mill-pumping station ħdejn is-Sirens. Kompla li din ħadu ħsiebha wara xi siegħa u kollox reġa’ ġie għan-normal fi ftit ħin.
Il-kelliem spjega li huwa impossibli li l-ħmieġ li deher il-bieraħ għandu x’jaqsam ma’ dan l-inċident. “Minn dak iż-żmien ma kien hemm l-ebda repetizzjoni ta’ ħruġ ta’ drenaġġ.”