San Pawl il-Baħar: Il-Ministru jgħid li l-fondi żdiedu b’25%

Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar kellu żieda ta’ 25% fl-allokazzjoni tal-fondi.
Dan ħareġ mill-mistoqsijiet parlamentari tad-deputat Robert Cutajar wara li d-deputat Nazzjonalista qal li l-Ministru Owen Bonnici qed jiżgwida l-Parlament billi qal li prova jagħti xenarju ta’ telf ta’ flus mill-istess Kunsill.
Il-Ministru qal li minn dak li minn dak li ġie żvelat fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari oħra, ħass il-ħtieġa li jmur għand l-Awditur Ġenerali biex jinvestiga jekk kienx hemm irregolaritajiet fl-għoti tat-tenders fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
L-istazzjon nazzjonali għandu “l-aktar kamra tal-aħbarijiet serja”
Fl-istess dibattitu waqt il-ħin għall-mistoqsijiet parlamentari, Robert Cutajar staqsa għaliex membri tal-Oppożizzjoni ma kienux qed jiġu mistiedna fuq programmi tal-aħbarijiet kurrenti fuq l-istazzjon nazzjonali u lanqas fuq il-programmi ta’ filgħodu fosthom TVAM.
Kien hawnhekk li l-Ministru Bonnici, li huwa wkoll responsabbli mill-istazzjon nazzjonali qal li l-kamra tal-aħbarijiet ta’ TVM hija “l-aktar kamra tal-aħbarijiet serja”.
Spjega li hemm ġurnalisti li ġejjin minn kmamar tal-aħbarijiet oħra li jaħdmu flimkien fl-interess nazzjonali. Fl-istess ħin huwa sellem lill-Kap tal-Aħbarijiet Reno Bugeja fejn qal li “ma jħarisx lejn l-uċuħ”.
Komplja jispjega li din il-kamra tal-aħbarijiet, kuntrarju għal kmamar tal-aħbarijiet oħra, hija rregolata mill-Awtorità tax-Xandir u jekk hemm każ ta’ inġustizzja, spjega li kulħadd jista’ jagħmel ilment.